Hi ħasra li Philip Rizzo ma ħasibx ftit iktar qabel ma kiteb il-kummenti sessisti tiegħu fuq facebook.
Dwar jekk il-manager fl-ETC għamlitx sewwa li ippubblikat ritratt tagħha bil-malja, dak argument ieħor, u hu rifless fuqha iktar minn ħaġa oħra.
Il-kummenti ta’ Philip Rizzo m’humiex aċċettabbli minn Chief Executive Officer tal-ETC. L-anqas m’huma aċċettabbli jekk jiġu minn ħaddieħor, peró Rizzo għandu bżonn jifhem li jeħtieġ li jmexxi bl-eżempju. Għax kif jista’ issa jippretendi imġieba korretta bejn l-impjegati fuq il-post tax-xogħol jekk hu indika mod differenti ta’ imġieba?
Imma l-problema hi ikbar minn hekk. Għax bil-kummenti tiegħu Rizzo qed jipperikola x-xogħol utli li hu stess għamel favur il-persuni b’diżabilità, ħidma li għadu għaddej biha. Għax hi ħidma li jagħmel b’konvinzjoni mhux b’konvenjenza.
Hawn hi d-dilemma ta’ Varist Bartolo. Ikeċċieh jew ma jkeċċiehx?
Fil-miżien tal-konsiderazzjonijiet tiegħu Varist ipprefera l-benefiċċju għall-persuni b’diżabiltà milli l-korrettezza politika. M’hiex għażla faċli u mhux kulħadd kapaċi jagħmilha.
Nittama biss li l-fatt li ngħata ċans ieħor jinftiehem li dan ma sarx għal wiċċu, iżda fl-interess tal-persuni b’diżabiltà. Għax hekk biss tagħmel sens id-deċiżjoni ta’ Varist.