Kulħadd irid jiekol !

Mario @ Parliament

 

L-aħbar li Mario de Marco, bħala avukat, qed jassisti waħda mill-kumpaniji tal-iGaming li l-ġimgħa l-oħra kellhom il-liċenzja tagħhom sospiża terġa’ tipponta lejn waħda mill-problemi fil-politika Maltija. Il-Membri Parlamentari Maltin  huma part-timers u jridu jibqgħu jipprattikaw il-professjoni tagħhom sakemm għadhom Membri tal-Parlament. Dan jiftaħ beraħ id-diskussjoni dwar il-konflitt ta’ interess potenzjali li għandu l-Membru Parlamentari Malti f’din is-sitwazzjoni.

Ovvjament, kulħadd irid jgħix, kulħadd irid jiekol!

Il-GRECO [il-grupp ta’ stati kontra l-korruzzjoni fil-Kunsill tal-Ewropa] jgħid hekk dwar il-Membri Parlamentari part-time ta’ Malta fl-aħħar rapport tiegħu li ġie ppubblikat f’Ġunju li għadda:

“Parliamentarians, in Malta are generally part-time legislators who also maintain their private practices. The potential for a conflict of interest due to the personal and professional networks and business links built across Malta, make maintaining decisionmaking independence, and being able to publically demonstrate this independence, a live issue.” (Fourth Evaluation report – 2014)

Sadanittant f’Malta, għoxrin xahar ilu kien konkluż rapport imħejji minn kumitat kompost mill-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-Kummissarju Elettorali Ewlieni, intitolat Recommended Remuneration Mechanism for Holders of Political Office. F’dan ir-rapport hemm diversi proposti li wasal iż-żmien li niddiskutuhom bis-serjetà. Dawn il-proposti jinkludu dawk dwar il-possibilità li l-Membri Parlamentari Maltin jibdew jaħdmu full-time fil-Parlament.

Ma jagħmilx sens li l-Membru Parlamentari Malti fil-għaxija jikkritika lill-Awtorità (hi liema hi) dwar kif din qed taħdem u fil-għodu fil-Qorti jassisti lil min jikkontesta l-mod kif tkun ħadmet l-istess awtorità. Il-Membru Parlamentari għandu juri b’mod ċar li hu legislatur indipendenti. Għax sakemm jibqa’ part-timer dejjem ser ikun hemm dubju raġjonevoli li ta’ l-inqas xi drabi huwa jkun immotivat mill-interessi tal-klijenti tiegħu iktar minn kull ħaġa oħra.