X’ser tieħu Bormla minn l-Università Amerikana?
Bla dubju r-restawr taż-żona madwar il-Baċir numru wieħed ser ikun l-ewwel akkwist. Probabbilment ukoll li bini mitluq f’Bormla jkun hemm inċentiv illi jkun irranġat u eventwalment jinkera lill-barranin li jiffrekwentaw il-fakultajiet tal-Università fil-Baċir numru wieħed . Kemm l-istudenti kif ukoll xi għalliema.
Fl-Imsida per eżempju hemm kwantità ta’ flats li jinkrew lill-istudenti Għawdxin. L-istess hu mistenni li jiġri f’Bormla.
L-istudenti li joqgħdu f’dawn il-flats ovvjament iridu jieklu. Ser jixtru prinċipalment mill-ħwienet f’Bormla. Xi ftit jiddevertu ukoll. Kemm f’Bormla kif ukoll f’inhawi oħra fil-viċin u l-bogħod.
Meta l-Università fil-Baċir tilħaq il-massimu ta’ studenti probabbilment li jkun fiha madwar 1,200 student (il-kumplament ikunu Iż-Żonqor). Bla dubju, 1,200 ruħ jagħtu kontribut kbir lill-ekonomija ta’ Bormla, fil-flats, restaurants, ħwienet u barijiet.
Imma jkun meħtieġ li jsibulhom l-ispażju. Għax iktar ma jkun hemm studenti li joqgħodu f’Bormla inqas joħolqu problema ta’ traffiku! Ovvjament mhux ser ikunu kirjiet baxxi. Probabbilment id-domanda li dawn l-istudenti jiġġeneraw biex jikru toqba fejn joqgħodu jkollha xi ftit effett fuq il-kirjiet eżistenti. Imma dak għadu ftit kmieni għalissa.
Kemm ilu li tħabbar il-proġett digà hemm min beda jfittex u jippjana kif jista’ jdawwar lira (jew ewro)!
Dan l-investiment jidher li hu idea tal-kuntrattur mill-Jordan Hani Hasan Naji Al Salah. Ser tkun Università bi ħlas.
Li jibqa’ hu li jkun magħruf minn fejn ġejjin l-istudenti. F’kummenti li Hani Hasan Naji Al Salah kien ta’ lis-Sunday Times nhar it-3 ta’ Mejju li għadda kien qalilna li dawn ġejjin mill-Lvant Nofsani, mill-Afrika ta’ Fuq kif ukoll mill-Ewropa.
Imma l-website tal-Università DePaul ta’ Chicago, li qed tassisti lil investitur mill-Ġordan biex jitfasslu l-korsijiet Universitarji ma issemix studenti Ewropej iżda tgħid li din l-Università ser tkun għal studenti mill-Afrika ta’ Fuq, mill-Ġolf, expats u oħrajn li jfittxu edukazzjoni stil Amerikan.
Issa naraw. Wara kollox dan hu rigal għal Bormla.