John Dalli u d-dubbien

 

Mating-olive-flies

 

John Dalli bħall-ħmar il-magħkus. Għalih iduru d-dubbien.

F’dak kollu li għadda minnu John Dalli u wara ħidma pubblika fuq tul ta’ snin, jidher li għadu ma fehemx li għandu obbligu wieħed sagrosant: li jagħti kont ta’ egħmilu.

Sfortunatament dan diversi drabi ma jagħmlux.

Issa jiena, kif jaf tajjeb, m’għandi l-ebda preġudizzju kontra tiegħu.

Il-każ tad-Daewoo mhux każ privat bejn il-klijent ta’ Dalli u l-Bank. Hu każ li nissel ħafna suspetti. L-opinjoni pubblika qatt ma kienet sodisfatta u għaldaqstant bil-fors jibqgħu l-mistoqsijiet, kemm tal-media kif ukoll tal-politiċi.

L-informazzjoni tista’ tingħata minn tlett sorsi. Mill-bank, li minħabba l-obbligu ta’ segretezza bankarja qatt m’hu ser iwieġeb. Mill-klijent ta’ Dalli, Joe Gaffarena, li għalih hi issue kummerċjali u ovvjament m’għandu l-ebda interess li jikxef idejh. Minn Dalli innifsu, li għalkemm għandu ukoll obbligi ta’ kunfidenzjalita’ professjonali għandu ukoll (jew kellu) responsabbiltajiet pubbliċi.

Ankè jekk b’mod limitat, dwar id-Daewoo, Dalli kellu l-obbligu li jinforma. Imma sfortunatament għal Dalli l-informazzjoni mhiex obbligu li jħoss li għandu jonora.

Din bħal tat-tabakk fejn qal li lagħbuh. Jista’ jkun li bl-attitudni tiegħu, li ftit jagħti piż lill-kontabilità, daħħluh f’nassa dawk ta’ madwaru. Dan kollu seta’ jevitah kieku ta’ prijorità lill-obbligu tiegħu li jagħti kontabilità pubblika.

Jew bħaż-żjarat tiegħu fil-Bahamas meta kien għadu Kummissarju Ewropew. Qatt ma kellu jkun hemm. L-obbligi tiegħu bħala Kummissarju Ewropew kienu ċari, imma għaddas rasu fir-ramel u baqa’ għaddej. Hu jaf għaliex. Imma jibqa’ l-fatt li dan mhux mod kif iġib ruħu persuna fil-ħajja pubblika.

Għalhekk idur għalih id-dubbien.

Il-Bank of Valletta, jsodd it-toqob

House of the 4 Winds

 

Bħalissa d-diskussjoni politika hi dwar min kien mistieden għall-ikel tlett snin ilu. Ikliet mistura u ikliet magħrufa. Kif ukoll dwar min iktar seta kien preżenti. Dwar min serva l-ikel u dwar min maxtar.

Mera mera fuq il-ħajt: min hu l-iktar maħmuġ għid? Il-mera ma tafx lil min ser taqbad temmen, tant ilha tisma’ affarijiet. Imn’alla li l-mera ma titkellimx għax kieku min jaf kemm toħroġ bi stejjer bejn affidavit u ieħor, bejn libell u ieħor.

Smajna b’donazzjonijiet li jidhru bħala ħlas għal reklami kif ukoll dwar dak il-loan imdaqqas mal-BoV li spiċċa ma tħallasx. Tkun storja tajba kieku tkun magħrufa bl-egħruq u x-xniexel. Għax donnu li l-BoV għandu d-destin li jsodd it-toqob finanzjarji ta’ dawk li huma komdi f’dan il-pajjiż.

Sadd it-toqob tas-self tad-Daewoo. Sadd it-toqob tal-Air Malta biex jixtru l-fuel. Sadd it-toqob tal-magħżulin għall-power station tal-gass f’Delimara. Sadd it-toqob ta’ min irid jirtira kmieni mix-xogħol, imma żamm id-dritt biex jidħol lura.

Sabuħ għal snienhom lill-BoV.