Il-prezz dejjem jogħla tal-petrol u d-diesel qed jagħfas lil kulħadd. Hu problema kbira, imma m’hiex problema li ħoloqha l-Gvern.
Din il-problema iżda tagħti lill-Gvern opportunita ta’ darba, kif ngħidu fuq platt. Aħna kapaċi bħala pajjiż nisfruttaw problema biex minnha l-pajjiż joħroġ minn fuq ?
Fl-istess żmien li l-prezz tal-petrol u d-diesel qed jispara l-fuq il-Gvern qiegħed iħejji biex joħroġ b’sistema ġdida ta’ tassazzjoni tal-karozzi li tkun tirrispetta l-kriterji tad-direttivi tal-Unjoni Ewropea.
Il-borma fuq tlieta toqgħod. It-tielet sieq hi t-trasport pubbliku.
Huwa ċar daqs il-kristall illi bil-prezz tal-fuel jispara l-fuq u b’taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-karozzi li tista’ tvarja skond jekk tkunx meqjusa bħala għodda ambjentali jew għodda fiskali l-istat tat-trasport pubbliku jista’ jkun determinanti. Bi transport pubbliku effiċjenti n-nies tagħmel għażla li jaqbel għall-but. Tuża’ tal-linja jekk tal-linja tkun effiċjenti. L-effiċjenza mhux biss fil-ħin u l-frekwenza iżda ukoll fir-rotot li fihom jingħata is-servizz.
L-effett ikun :
1) iktar nies tuża’ tal-linja, li bi dħul ikbar jista’ jkollhom bżonn ta’ inqas sussidji,
2) b’iktar nies fuq tal-linja jfisser inqas nies f’karozzi żgħar, inqas karozzi fit-toroq, inqas traffic jams,
3) inqas karozzi fit-toroq ifisser inqas dħaħen, kwalita’ tal-arja ħafna aħjar,
4) b’inqas spejjes fil-karozzi żgħar ifisser li n-nies ikollha iktar flus fil-but, ammont li meta tgħodd l-ispejjes kollha (xiri tal-karozza, insurance kull sena, service, petrol/diesel skond l-użu) tista’ titla mhux ħażin kuljum .
Din hi opportunita ta’ darba.