L-Irlanda tgħid le għat-trattat ta’ Lisbona

 

 

 

Fil-ħin li qiegħed nikteb dan il-post bdew ħerġin l-ewwel riżultati tar-referendum fl-Irlanda dwar it-trattat ta’ Lisbona. Jidher li dawk li vvutaw (53.1% ta’ elettorat li jammonta għal 3 miljuni) rrifjutaw it-trattat b’53.4% jivvutaw kontra u 46.6% jivvutaw favur.

 

Dan huwa l-uniku referendum li sar fil-pajjiżi tal-EU dwar ir-ratifika tat-trattat ta’ Lisbona.

 

Il-gazzetti online, fosthom : it-Times ta’ Londra , it-Times ta’ Maltal-Guardian , u stazzjonijiet tat-TV bħall- BBC  u tant oħrajn bdew jikkummentaw fuq ir-riżultat .

 

Minkejja dak kollu li ser jingħad dan m’huwiex vot kontra l-Unjoni Ewropeja, iżda vot kontra t-trattat ta’ Lisbona. Waqt id-dibattitu pubbliku l-argumenti li nġiebu juru l-biżgħat ta’ dawk li vvutaw u kkampanjaw għal vot kontra, fosthom il-biża’ dwar l-legalizzazzjoni ta’ l-abort u il-biża’ dwar l-introduzzjoni ta’ rata ta’ tassazzjoni uniformi li ddgħajjef il-posiżżjoni tal-Irlanda li għandha rata ta’ taxxa tal-kumpanji baxxa.

 

 

It-trattat ta’ Lisbona fir-realta jipprovdi fost oħrajn għas-segwenti :

1)      President tal-EU għal sentejn u nofs flok rotazzjoni bejn il-pajjżi membri kull sitt xhur,

2)      Rappreżentant speċjali tal-EU għall-affarijiet barranin (foreign policy chief),

3)      Kummissjoni Europea iżgħar mill-2014 il-quddiem; dan ifisser li terz tal-pajjiżi membri ma jkollhomx Kummissjarju għal perjodu ta’ 5 snin minn kull ħmistax il-sena,

4)      Iżjed poteri lill-Parlament Ewropew, u per konsegwenza inqas poteri lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill tal-Ministri,

5)      Jitnaqqas id-daqs tal-Parlament Ewropew biex ikollu numru massimu ta’ membri li ma jeċċedix is-751 (preżentment għandu 785),

6)      F’50 qasam jitneħħa l-obbligu ta’ qbil unanimu biex ikun hemm deċizjoni fil-Kunsill tal-Ministri, jiġifieri f’dawn l-oqsma jitneħħa d-dritt ta’ kull pajjiż membru għal veto; ir-Renju Unit u l-Irlanda ingħataw opt out fl-oqsma tal-Pulizija u l-Ġustizzja; kien ser jibqa’ d-dritt tal-veto fl-oqsma tal-affarijiet barranin u d-difiża, s-sigurta soċjali, it-tassazzjoni u l-politika kulturali.

 

Probabilment li ħafna nies ma tantx fehmu x’inhu t-trattat ta’ Lisbona u vvutaw dwar kif jaħsbuha fuq dak li kienu qed jisimgħu. F’dan il-kuntest il-kampanja ta’ misinformazzjoni li f’dawn iċ-ċirkustanzi hu inevitabbli li ssaħħan xi ftit l-irjus għelbet il-miżien.