Is-surcharge jista’ jiġi revedut minħabba iż-żieda fenomenali fil-prezz taż-żejt.
Iżda mhux hekk biss. Intqal li qed ikunu kkunsidrati reviżjoni tat-tariffi. Jiġifieri apparti s-surcharge huma r-rati vera u propji tal-elettriku u l-ilma ukoll li jistgħu jinbidlu.
X’għandu jsir? Ovjament ħadd m’hu ser jieħu ġost li jiżdied il-ħlas kemm jekk dan ikun għall-elettriku kif ukoll jekk dan ikun għall-ilma. Iż-żieda fl-ispejjes minn x’imkien trid tiġi. Jekk tiġix mill-ħlas tal-kontijiet inkella jekk tiġix mit-taxxi ġenerali l-ispiża xorta ser titħallas u xorta ser inħallsuha aħna. Id-differenza ser tkun jekk iħallasx għall-ispiża min jagħmel użu mis-servizz jew jekk iħallasx għaliha kulħadd irrispettivament minn kemm juża elettriku u ilma.
F’soċjeta li tirrispetta l-ambjent l-għażla hi waħda ovvja : li l-ispiża, soġġett għall-miżuri li jilqgħu għall-impatti soċjali fuq familji ta’ mezzi limitati, għandu jġorrha min jagħmel użu mill-elettriku u l-ilma skond l-użu.
Waqt il-kampanja elettorali AD ipproponejna li anke s-surcharge għandha tkun strutturata b’tali mod illi min juża’ ħafna elettriku u ilma jħallas rata ferm għola ta’ surcharge minn min juża’ inqas.
B’rati ta’ surcharge li jvarjaw skond l-użu tonqos il-ħela, kemm tal-elettriku kif ukoll tal-ilma.
Dan m’għandux isir għar-residenzi biss iżda għall-kummerċ u għall-industrija ukoll. Sussidji żejda ma jagħmlu ġid lil ħadd. Anke l-kummerċ u l-industrija għandhom ikunu soġġetti għas-surcharge bl-istess kundizzjonijiet : jiġifieri li min jimplimenta miżuri li jnaqqsu l-użu tal’elettriku u l-ilma jkollu rati ta’ surcharge inqas iebsa minn min juża’ ħafna.
Ara ukoll dawn il-posts fuq din il-blog :