Il-ġimgħa l-oħra attendejt għall-forum ċiviku organizzat mill-uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta dwar l-idea ta’ Gżira ekoloġika.
Ġa ktibt f’dan il-blog dwar is-suġġett iżda naħseb li jkun utli li nikteb iktar.
L-idea ta’ Għawdex bħala gżira ekologika nibtet waqt żjara tal-Ministru tal-Ambjent Taljan u ġiet inkluża fil-manifest elettorali tal-AD għal Għawdex. Għoġbot lill-PN ukoll għax inkludiha fil-programm elettorali tiegħu.
S’issa nkitbu żewġ artikli dwar dan il-forum.
Tajjeb li nitkellmu iktar dwar xi jfisser li Għawdex ikun gżira ekoloġika.
Fi ftit kliem ifisser li l-ħidma kollha li ssir f’Għawdex tkun organizzata b’mod li din tagħmel l-inqas impatt possibli fuq l-eko-sistema. Allura tfisser, fost oħrajn li :
a) jsir sforz biex jiġi ġġenerat l-ikbar ammont possibli ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu, mix-xemx, mir-riħ, mill-iskart, mill-ħmieġ tal-annimali bħall-baqar u l-ħnieżer ………
b) li naħżnu u nużaw l-ilma tax-xita bil-għaqal u b’hekk nevitaw li nużaw iktar mill-ilma tal-pjan,
c) isir iktar investiment biex bħala riżultat tal-proċess tat-tisfija tad-drenaġġ l-ilma riżultanti jkun jista’ jerġa’ jintuża,
d) nnaqqsu t-tniġġiż tal-arja billi nnaqqsu l-użu ta’ karozzi privati,
e) illi nużaw it-trasport pubbliku u mezzi alternattivi ta’ transport bħall-bicycles, kif ukoll transport li jaħdem bl-elettriku,
f) biex (d) u (e) jkunu possibli jeħtieġ riforma tat-trasport pubbliku f’Għawdex biex dan issibu f’kull ħin u mhux kif inhu bħalissa,
g) jkun hemm bicycles lanes fit-toroq kollha,
h) li tkun inkoraġġita l-biedja organika,
i) li napprezzaw iktar il-valur tal-biodiversita’,
j) li nnaqqsu l-iskart li niġġeneraw, u li dak iġġenerat nagħmlu ħilitna biex nirriċiklawh – inkluż li nipproduċu enerġija elettrika minnu fejn possibli,
k) insibu użu għall-bini li għandna vojt flok ma nħallu iktar art tinbena,
l) niżviluppaw l-eko-turiżmu,
m) ma jkunux inkoraġġiti proġetti li huma ta’ ħsara ambjentali u dan f’isem żvilupp dubjuż bħal dak ta’ Ħondoq ir-Rummien,
n) nużaw taxi ambjentali biex ikun inkoraġġit li jkun hemm bdil ta’ attitudnijiet.
Hemm ħafna affarijiet li jista’ jagħmilhom il-Gvern. Ħafna oħrajn li rridu nagħmluhom aħna. Kull wieħed minna. Pero’ huma kollha affarijiet li jridu jsiru. L-ewwel f’Għawdex imbagħad f’Malta ukoll.
Nittama biss li jkun hemm il-volonta’ li jsir dak kollu li hu meħtieġ.