Illum il-5 ta’ Ġunju huwa Jum l-Ambjent. F’isem l-Alternattiva Demokratika, bħala l-kelliema għall-Iżvilupp Sostenibbli ħriġt dan il-messaġġ :
Jum l-Ambjent hu opportunita` ħalli nirriflettu ftit fuq kemm għad baqa’ x’isir biex il-ħidma tagħna bħala pajjiż tkun aktar kompatibbli ma’ l-eko-sistema li minnha niffurmaw parti.
Huwa pożittiv li l-messaġġ programmatiku tal-President tar-Repubblika lill-Parlament Malti jpoġġi l-iżvilupp sostenibbli bħala l-qafas li madwaru trid tintiseġ il-ħidma kollha tal-Gvern matul il-ħames snin li ġejjin.
Meta l-pajjiż jimxi l-quddiem, jimxi l-quddiem għal kulħadd, kif meta jmur lura, kulħadd jissejjaħ biex jerfa l-piż. F’Jum l-Ambjent jeħtieġ li nifhmu aktar milli f’jiem oħra li l-kejl tal-progress mhux biss dak ekonomiku, iżda fuq kollox irridu nkejlu wkoll il-progress fl-apprezzament u l-ħarsien ambjentali kif ukoll l-iżvilupp soċjali tal-pajjiż. Il-problemi soċjali u ambjentali li ta’ spiss niffaċċjaw huma kawża ta’ sistema ekonomika li ta’ spiss titħalla taħdem għal rasha. Huwa għalhekk neċessarju li l-impatti ambjentali, ekonomiċi u soċjali tal-ħidma kollha li ssir tkun ikkunsidrata minn qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet u mhux wara. B’hekk meta jsir il-progress ikun fuq il-fronti kollha : dak ekonomiku, soċjali u ambjentali u nkunu qed inwettqu żvilupp verament sostenibbli.
Fil-mixja biex jingħeleb l-iżbilanċ ambjentali li tħalla jakkumula fil-pajjiż matul s-snin jeħtieġ li lkoll flimkien nindirizzaw dak li kkawża dan l-iżbilanċ. Nistennew li nimxu lil hinn mir-retorika politika għal azzjoni konkreta. L-ambjent jeħtieġ li jkun ittrattat bħall-qasam finanzjarju, lil hinn mill-partiġjaniżmu politiku.
Ir-riforma tal-MEPA, il-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi alternattivi u rinovabbli, l-użu bil-għaqal tar-riżorsi naturali limitati li għandna, il-ħarsien tal-biodiversita’, il-politika għal trasport sostenibbli (anke fil-kuntest ta’ riforma tat-tassazzjoni dwar ir-registrazzjoni tal-karozzi), riforma tas-surcharge biex jiġi ppremjat min ma jaħlix u ppenalizzat min jaħli, huma wħud mill-oqsma li matul is-sena li ġejja ser ikunu fuq quddiem fid-dibattitu dwar il-politika ambjentali tal-pajjiż.
Kien pass għaqli li l-Gvern reċentement ta messaġġ ċar bl-irtirar tal-applikazzjoni għat-twaqqiegħ u l-iżvilupp mill-ġdid tas-sit tal-istudios tal-PBS fi G’Mangia. Filwaqt li kien f’waqtu li din l-applikazzjoni tiġi rtirata huwa meħtieġ li għall-futur id-deċiżjonijiet tajba preferibilment jittieħdu mill-ewwel. Dan jista’ jsir billi n-nies li l-Gvern jaħtar fil-korpi pubbliċi biex iwettqu l-politika tiegħu u jamministraw propjeta’ pubblika jkunu ambjentalment sensittivi. Dan sfortunatament mhux dejjem kien il-każ.
Alternattiva Demokratika qed tittama li d-dikjarazzjonijiet diversi li saru matul dan l-aħħar xhur favur politika ambjentali iktar proattiva huma riżultat ta’ konvinzjoni. AD hija lesta li toffri l-id tal-kooperazzjoni tagħna biex jiġi ffaċilitat li l-kliem iwassal għall-fatti fl-iqsar żmien possibli.