Ilkoll segwejna mill-qrib l-iżviluppi dwar l-skandlu ta’ Spin Valley fil-Mistra. L-istorja kollha għad trid tinkiteb.
Illum ingħalaq kapitlu ieħor fl-istorja ta’ Spin Valley meta l-Bord tal-MEPA dal-għodu rtira l-permess(Outline) li kien inħareġ mid-Diviżjoni A tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta’ l-Iżvilupp.
Prosit.
Issa jmiss iżda li l-MEPA tuża l-istess kejl ma’ permessi oħra li jixirqilhom trattament simili. L-ewwel fuq il-lista hemm is-supermarket fil-limiti ta’ Ħal-Kirkop/Ħal-Safi u li dwaru l-istess Diviżjoni ‘A’ tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta’ l-Iżvilupp approvat permess minkejja r-rakomandazzjoni kuntrarja tad-Direttorat tal-Ippjanar kif ukoll minkejja li dan kien barra miż-żona tal-iżvilupp.
Għal min nesa’ xi ftit infakkar li l-awditur tal-MEPA kien investiga l-ħruġ tal-permess ta’ dan is-supermarket u kien ikkonkluda li dan ma kellux joħroġ.
Tiftakru li kienet irreżenjat il-Kummissjoni kollha, ftit minuti wara li ħareġ ir-rapport ? Iffriskaw ftit il-memorja.