Ħadt pjaċir il-bieraħ fil-għaxija nieħu sehem fil-Forum għaċ-Ċittadin organizzat mill-uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta. Tkellmet Gisela Kallenbach Membru tal-Parlament Ewropew tal-European Greens. He tkellmet dwar l-idea ta’ Għawdex bħala gżira ekoloġika.
Din hi idea li tkellmet dwarha għall-ewwel darba l-Alternattiva Demokratika u iktar tard il-Partit Nazzjonalista inkluda proposta dwar Għawdex bħala gżira ekoloġika fil-programm elettorali tiegħu għall-elezzjoni tal-2008.
L-ambjent m’hu monopolju ta’ ħadd u iktar ma jkun hemm min jaqbel u jaddotta ideat għal titjib ambjentali, tagħna u ta’ ħaddieħor, tant aħjar.
Il-kunċett ta’ gżira ekoloġika hu wieħed sempliċi. Li l-ħidma kollha li ssir fuq il-ġżira ta’ Għawdex tkun sostenibbli. Issa fir-realta dan ma jgħoddx għal Ghawdex biss, imma għal Malta ukoll !
Kallenbach emfasizzat fuq il-ħtieġa li jkun hemm ħidma integrata, jiġifieri li ma nippjanawx bil-biċċiet. Meta nippjanaw xi ħaġa nassiguraw ruħna li nkunu tajna każ u ħadna ħsieb tal-aspetti kollha tagħha.
L-attendenza għal dan il-forum kienet kkaratterizzat mill-presenza ta’ kwantita kbira ta’ residenti barranin.
Ħafna tkellmu dwar l-ilma, il-biedja organika, t-trasport sostenibbli, l-enerġija alternattiva u dwar bosta oqsma oħra fil-ħajja ta’ kuljum. Il-messaġġ bażiku kien wieħed dwar il-ħtieġa li nimxu fit-triq ta’ sostenibilita.