Opportunita ta’ darba

 

Il-prezz dejjem jogħla tal-petrol u d-diesel qed jagħfas lil kulħadd. Hu problema kbira, imma m’hiex problema li ħoloqha l-Gvern.

 

Din il-problema iżda tagħti lill-Gvern opportunita ta’ darba, kif ngħidu fuq platt. Aħna kapaċi bħala pajjiż nisfruttaw problema biex minnha l-pajjiż joħroġ minn fuq ?

 

Fl-istess żmien li l-prezz tal-petrol u d-diesel qed jispara l-fuq il-Gvern qiegħed iħejji biex joħroġ b’sistema ġdida ta’ tassazzjoni tal-karozzi li tkun tirrispetta l-kriterji tad-direttivi tal-Unjoni Ewropea.

 

Il-borma fuq tlieta toqgħod. It-tielet sieq hi t-trasport pubbliku.

 

Huwa ċar daqs il-kristall illi bil-prezz tal-fuel jispara l-fuq u b’taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-karozzi li tista’ tvarja skond jekk tkunx meqjusa bħala għodda ambjentali jew għodda fiskali l-istat tat-trasport pubbliku jista’ jkun determinanti. Bi transport pubbliku effiċjenti n-nies tagħmel għażla li jaqbel għall-but. Tuża’ tal-linja jekk tal-linja tkun effiċjenti. L-effiċjenza mhux biss fil-ħin u l-frekwenza iżda ukoll fir-rotot li fihom jingħata is-servizz.

 

L-effett ikun :

1) iktar nies tuża’ tal-linja, li bi dħul ikbar jista’ jkollhom bżonn ta’ inqas sussidji,

2) b’iktar nies fuq tal-linja jfisser inqas nies f’karozzi żgħar, inqas karozzi fit-toroq, inqas traffic jams,

3) inqas karozzi fit-toroq ifisser inqas dħaħen, kwalita’ tal-arja ħafna aħjar,

4) b’inqas spejjes fil-karozzi żgħar ifisser li n-nies ikollha iktar flus fil-but, ammont li meta tgħodd l-ispejjes kollha (xiri tal-karozza, insurance kull sena, service, petrol/diesel skond l-użu) tista’ titla mhux ħażin kuljum . 

 

 

Din hi opportunita ta’ darba.

Is-sandwich nukleari jkompli jikber

Bil-ftehim bejn Franza u l-Algerija dwar għajnuna teknika fil-qasam tal-enerġija nukleari kemm għal skopijiet ċivili kif ukoll għal finijiet ta’ difiża is-sandwich nukleari madwarna qed ikompli jikber.

 

U  l-Gvern f’Malta fommu sieket! Ma ngħidx li ma hu jagħmel xejn, għax ma nafx. Imma għandu l-obbligu li jzommna infurmati.

 

Ara ukoll il-posts segwenti f’dan il-blog :

 

28 t’April 2008        Chernobyl : it-22 Anniversarju

 

26 ta’ Mejju 2008    Sandwich bejn il-Libya u l-Italja

 

9 ta’ Ġunju 2008      F’Krško evitat inċident nukleari

 

15 ta’ Ġunju 2008    A Nuclear Sandwich in the Mediterranean