Meta Joseph ried €5

five euro

Il-liġi dwar il-finanzjament tal-Partiti għaddiet minn l-aħħar stadju fil-Parlament dal-għodu meta kienet approvata unanimament. Jiġifieri l-membri parlamentari kollha preżenti ivvutaw favur: 33 min-naħa tal-Gvern u 27 min-naħa tal-Opposizzjoni.

Qabel ma vvutaw, għal xi minuti, Simon Busuttil u Joseph Muscat argumentaw. Simon Busuttil tkellem dwar id-difetti tal-liġi [l-għażla tar-regolatur, il-propjetà pubblika f’idejn il-Partit Laburista u proposta ta’ limitazzjoni ta’ infieq (sa żewġ miljun ewro) f’kampanja elettorali]. Joseph Muscast wieġeb li l-Kummissjoni Elettorali hi korp kostituzzjonali fdat fl-iktar mument delikat fil-ħajja tal-pajjiż (waqt elezzjoni ġenerali), li l-propjetà pubblika f’idejn il-Partit Laburista ma tagħtih l-ebda vantaġġ partikolari (għax kieku m’għamilx 25 sena fl-Opposizzjoni) u li l-flus, ġaladarba jkunu nġabru b’mod leċitu għandu jkun hemm d-dritt li jintefqu.

Il-Partit Nazzjonalista għandu riżervi kbar, ma jaqbilx, imma ivvota favur xorta biex jevita l-problemi li ħoloq għalih innifsu meta astjena dwar id-drittijiet ċivili tal-komunita gay, jew meta ivvota b’mod imħawwad [biċċa favur, biċċa kontra, u biċċa astensjoni] fuq l-introduzzjoni tad-divorzju!

La Joseph Muscat u l-anqas Simon Busuttil ma qalu xejn dwar il-kontradizzjoni fil-każ tal-finanzjament pubbliku tal-partiti politiċi mill-istat. Għax filwaqt li l-Gvern ta’ Joseph Muscat illum ma jaqbilx mal-finanzjament pubbliku tal-partiti xorta f’kull budget baqa’ jvvota €200,000 fis-sena biex jinqasmu bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista: €100,000 kull wieħed. Għax fil-fatt l-istat Malti, minkejja dak li jgħidu, jiffinanzja lill-partiti politiċi fil-Parlament u ilu jagħmel hekk sa mill-1994.

Dwar dan ma qalulna xejn. Kien ikun interessanti kieku spjegawlna ftit, forsi nifhmu għaliex meta jkunu fil-Gvern ikunu kontra l-finanzjament tal-partiti politiċi mill-istat, imma meta jkunu fl-Opposizzjoni malajr jibdlu l-opinjoni u jsiru favur. Per eżempju il-Partit Nazzjonalista bħalissa jaqbel mal-finanzjament tal-partiti politiċi mill-istat, imma sentejn ilu kien kontra. Il-Partit Laburista ta’ Joseph Muscat min-naħa l-oħra issa huwa kontra l-finanzjament tal-partiti politiċi mill-istat, imma ftit snin ilu, meta kien fl-Opposizzjoni kien talab għal €5 għal kull vot kull sena. Ovvjament il-PN fil-Gvern kien qal le.

Ħawwadni ħa nifhmek Joey!

 

Xejn m’hu xejn, Joe

pot-boiling-stir

L-istejjer fuq il-media l-bieraħ ma naqsux. Kemm fuq il-media stampata kif ukoll fuq dik elettronika.

Iż-Żonqor donnu li jrid jibqa’ fl-aħbarijiet, din id-darba minħabba sejba ta’ droga.

L-istorja fuq l-Independent dwar is-Segretarju Parlamentari Ian Borg  hi inkwetanti ħafna, għax tallega li kien hemm abbuż minn persuna vulnerabbli. Hu allegat li persuna marida mentalment ġiet immanipulata biex hi tbiegħ art fil-limiti ta’ Ħad-Dingli. Ian Borg qed jiċħad dak allegat u qed jilmenta li l-istorja hi ġlieda interna f’familja li ma kellux jiddaħħal fiha. Jekk dak li qed jgħid Ian Borg hu korrett, seta qagħad ftit iktar attent Ian Borg biex jevita li jidħol bejn il-basla u qoxritha.

Imma l-istorja tal-ġimgħa naħseb li hi dik dwar il-Ministru Chris Cardona fuq il-blog ta’ Daphne Caruana Galizia: Economy Minister in the dog-house (actually, the Stable). Partijiet mill-artiklu qieshom script għal film. Il-mistoqsija bażika tibqa’ hemm: jekk il-Ministru Chris Cardona irċeviex riġal ta’ użu b’xejn ta’ flat lussuż f’Portomaso mingħand persuna fin-negozju – anzi, persuna li l-familja tagħha hi involuta fil-power station tal-gass f’Delimara.

Il-ħajja privata ta’ Chris Cardona ma tinteressanix. Dik tinteressa biss liz-zekzika.

Imma hu fl-interess pubbliku li jkun magħruf jekk Ministru rċeviex dawn it-tip ta’ rigali u jekk dan ifissirx li qed jikkomprometti l-uffiċċju politiku li jokkupa.

Imma donnu li xejn m’hu xejn. Kollox jgħaddi. Mhux hekk Joe?