Tħares kif tħares lejn is-sitwazzjoni, l-umiljazzjoni tal-Greċja hi waħda totali.
Ir-riżultat tar-referendum fi tmiem il-ġimgħa l-oħra kienet l-espressjoni ta’ xewqa li ser tibqa’ sempliċiment hekk.
Il-Greċja qed tiffaċċja illum il-problemi li ħarbet minnhom il-bieraħ. L-inġustizzja hi li dawk li gawdew biex inħolqu l-problemi, b’korruzzjoni, klijenteliżmu, evażjoni ta’ taxxa u tmexxija ġeneralment ħażina tal-ekonomija tal-pajjiż m’humiex dawk li ser jerfgħu is-salib tat-tbatija.
L-għażliet li għandu quddiemu l-Gvern ta’ Tsipras huma ċaħda sħiħa u totali ta’ dak kollu li tkellem dwaru tul dawn l-aħħar xhur. Hu mument li ħafna xtaqu li ma jasalx. Imma qiegħed wara l-bieb.
Tul dan il-lejl id-diskussjonijiet komplew u l-kundizzjonijiet iebsa ħafna tal-Ġermanja huma ċari: l-Greċja trid fil-prattika titlef is-sovranità finanzjarja tagħha. Għax fil-passat tant ġew imwegħda affarijiet li ma sarux, li ħadd issa m’hu jemmen li dak li jkun miftiehem jista’ jseħħ sakemm il-garanziji li jingħataw ma jkunux b’saħħithom.
Tul is-siegħat li ġejjin tittieħed id-deċiżjoni finali. Imma t-tbatija fil-Greċja ser tkun waħda kbira.
Din hi Ewropa li ħadd ma jixtieq. Hi Ewropa immexxija mill-banek.