Bħalissa għaddej id-dibattitu dwar jekk il-Kummissjoni Elettorali għandiex tinvestiga l-allegazzjonijiet li nġiebu għall-attenzjoni tagħha dwar nuqqas ta’ osservanza tal-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti.
Alternattiva Demokratika sa mill-bidu nett għamlitha ċara li kien żball oħxon li tintgħażel il-Kummissjoni Elettorali biex tħares l-implimentazzjoni tal-liġi. F’dokument dwar l-abbozz ta’ liġi f’Lulju 2014, Alternattiva Demokratika kienet qalet hekk :
“ ………….. l-komposizzjoni tal-Kummissjoni Elettorali b’nofsha tinħatar mill-Gvern u bin-nofs l-ieħor tinħatar mill-Oppożizzjoni (b’Chairman appuntat mill-Gvern) tpoġġi liż–żewġ partiti politiċi parlamentari f’pożizzjoni li direttament jikkontrollaw il-proċess kollu li qed jiġi propost. Kull partit politiku ieħor, inkluż Alternattiva Demokratika, hu eskluż minn dan il-proċess.
…………………
Alternattiva Demokratika, kif diġa għamlet meta ikkummentat dwar il-White Paper tirreferi għal proposta approvata minn Kumitat Magħżul tal-Kamra tar-Rappreżentanti taħt it-tmexxija tal-iSpeaker. Il-Kumitat Magħżul issa iffinalizza r-rapport tiegħu liema rapport jinkludi abbozz ta’ liġi ieħor intitolat: Standards in Public Life Act 2014. Dan l-abbozz jipprovdi dwar il-ħatra ta’ Kummissarju u Kumitat Permanenti Parlamentari dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Skond il-klawsola 3 tal-abbozz dwar l-Istandards, il-liġi proposta tapplika għall-Membri tal- Parlament (inkluż Ministri, Segretarji Parlamentari u Assistenti Parlamentari) kif ukoll għal persuni impjegati f’posizzjoni ta’ fiduċja inkella bħala konsulenti tal-Gvern jew ta’ xi korp statutorju. L-istess klawsola 3 tippermetti li l-applikabilita tal-liġi tista’ titwessa’ permezz ta’ regolamenti li jkunu ikkunsidrati u jiksbu l-appoġġ tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
L-abbozz jikkonċerna l-imġieba tal-politiċi eletti fil-Parlament u konsulenti/ħatriet ta’ fiduċja.
L-awtorità regolatorja hi vestita f’Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li skond kif tipprovdi l-klawsola 4 tal-istess abbozz jeħtieġ l-approvazzjoni ta’ mhux inqas minn żewġ terzi tal-Membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti biex ikun jista’ jinħatar.
Il-Kummissarju hekk maħtur hu propost li jkun sorveljat fil-ħidma tiegħu minn Kumitat Permanenti mmexxi mill-iSpeaker u kompost ukoll minn 4 Membri Parlamentari, tnejn min-naħa tal-Gvern u tnejn oħra min-naħa tal-Oppożizzjoni.
Alternattiva Demokratika hi tal-fehma li dan ifisser mhux biss garanzija ta’ serjeta’ u imparzjalita bil-ħatra ta’ persuna li tgawdi l-fiduċja ta’ mhux inqas minn żewġ terzi tal-Parlament imma ukoll garanzija ta’ trasparenza ikbar minħabba li l-laqgħat tal-Kumitat Parlamentari jsiru fil-pubbliku. Il-ħidma li issir għaldaqstant tista’ ukoll tkun soġġetta b’iktar faċilita għall-iskrutinju tal-medja.
Għal dawn ir-raġunijiet Alternattiva Demokratika hi tal-fehma li l-awtorita regolatorja dwar il-finanzjament tal-politika għandha tkun fil-qafas tal-istruttura li l-Parlament qiegħed jibni bil-mod u bil-paċenzja dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika bl-involviment tal-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Dan ikun ferm aħjar mill-istruttura proposta fl-abbozz ta’ liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi.
Nifhmu li l-idea li l-awtorita regolatorja għall-finanzjament tal-partiti politiċi tkun il-Kummissjoni Elettorali ttieħdet mill-esperjenza tar-Renju Unit. Irridu iżda inżommu quddiem għajnejna li l-esperjenza tar-Renju Unit m’għandha xejn x’taqsam ma dik Maltija fejn tidħol awtorita’ regolatorja indipendenti. Fil-leġislazzjoni tar-Renju Unit kemm il-proċess elettorali ukoll dak ta’ sorveljanza tal-finanzjament tal-partiti politiċi hu taħt il-lenti tal-House of Commons u l-Kummissarji Elettorali għar-Renju Unit (għaxra b’kollox) b’kuntrast mal-prattika f’Malta ma jistgħux ikunu persuni assoċjati ma’ partiti politiċi. Dik tagħmel differenza kbira u fundamentali.”
Wara li Alternattiva Demokratika kienet ħarget b’din ir-reazzjoni, il-PN kien beda jdoqq l-istess diska.
Imma l-Gvern webbes rasu.
Tista’ tara id-dokument sħih ippubblikat bil-Malti hawn. Inkella hawn jekk tippreferi taqrah bl-Ingliż.