Mill-Parlament għall-Qorti ?

Scales_of_justice

 

Wara ġimgħat ta’ diskussjoni kif ukoll bħala riżultat tat-text finali tal-Liġi dwar il-Finanzjament tal-Partiti Politiċi jidher li hemm il-possibilita ta’ żewġ kawżi. Dawn iservu biex tinfetaħ battalja legali dwar issues jaħarqu li fihom fil-Parlament ma kienx hemm qbil bejn il-Gvern u l-Opposizzjoni.

L-ewwel kawża possibli hi dik indikata fil-press conference ta’ Chris Said u Claudio Grech nhar it-Tlieta li għaddew. Din tirrigwarda l-għażla tal-Kummissjoni Elettorali bħala r-regolatur biex titħaddem il-liġi. Waqt id-diskussjoni fil-kumitat parlamentari li jikkunsidra l-liġijiet l-argumenti kontra l-proposta li l-Kummissjoni Elettorali tkun ir-regolatur kien wieħed ta’ preġudizzju fil-liġi innifisha. Dan il-preġudizzju hu wieħed doppju. Hu preġudizzju favur il-partiti fil-parlament (għax teskludi l-partiti l-oħra kollha) u huwa ukoll preġudizzju favur il-Gvern tal-ġurnata.

Il-komposizzjoni tal-Kummissjoni Elettorali għalhekk tagħmilha mhiex addatta biex tkun ir-regolatur, għax hu diffiċli tkun imparzjali.

Min-naħa l-oħra dwar it-tieni kawza ma jidhirlix li rajt kummenti fl-istampa. Din hi issue li tqajjmet fl-aħħar seduta tad-diskussjoni fil-kumitat parlamentari.

Meta konna qed niddiskutu d-definizzjoni ta’ “donazzjoni” qam il-punt li meta partit politiku jingħata servizz bi prezz ridott, it-tnaqqis fil-prezz għandu jitqies bħala donazzjoni. Mela jekk, per eżempju, partit politiku jikri mingħand il-privat binja li l-kera kummerċjali tagħha hi €100,000 fis-sena, imma jiftiehem biex iħallas €50,000 , id-differenza titqies bħala donazzjoni. F’dan il-kaz tkun donazzjoni illegali għax donazzjoni ma tistax taqbeż il-€25,000 fis-sena.

Allura qal Chris Said fil-kumitat parlamentari: x’inhi l-posizzjoni tal-Partit Laburista li għandu l-fuq minn tletin post (ankè l-PN għandu, imma numru inqas) propjeta’ tal-Gvern mikrijin għandu bis-soldi?

 

Owen Bonnici wieġeb li dawk il-propjetajiet f’idejn il-Partit Laburista  jiddependu minn arranġamenti li saru qabel daħlet fis-seħħ il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi u allura l-argument ta’ Chris Said ma kienx wieħed tajjeb.  L-Avukat Ġenerali ta’ xi spjegazzjonijiet legali li fil-fehma tiegħi ma ikkonvinċew lil ħadd. Iktar kien qiesu tidwir mal-lewza. Chris Said ressaq emenda biex jiċċara dan il-punt. L-emenda m’għaddietx.

Jiena esprimejt l-opinjoni li l-emenda ta’ Chris Said ma kienx hemm bżonnha għax id-definizzjoni tal-kelma donazzjoni hi ċara ħafna fil-liġi u bl-ebda mod ma teskludi propjeta tal-Gvern. Fil-fatt id-definizzjoni ta’ donazzjoni tibda b’dawn il-kelmiet:

“donazzjoni” tfisser kull benefiċċju riċevut fir-rigward tal-attivitajiet jew il-funzjonijiet ta’ partit politiku, minn jew f’isem partit politiku, minn membru ta’ partit politiku, minn kandidat jew minn xi organizzazzjoni, kemm jekk tkun korporata jew le li fiha l-partit politiku, direttament jew indirettament jeżerċita amministrazzjoni effettiva u kontoll u għandha tinkludi, sakemm ma jiġix provdut mod ieħor………….:”

 

Dawn huma tnejn mill-affarijiet li l-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi ma tikkunsidrax sewwa. Ħasra kbira. Għax l-isforz kbir li sar minn bosta seta ta’ riżultati aħjar.