Waqt li Michael Falzon il-Perit għadu jhewden bil-ġobon tat-toqba u l-kontijiet bankarji fl-Iżvizzera, Michael Falzon is-Segretarju Parlamentari kellimna dwar il-melħ.
Qalilna li għandu rispett lejn l-għaqdiet ambjentali ġenwini. Dwar l-oħrajn qalilna li jeħodhom “with a pinch of salt”.
Id-diffikultà li nara jiena f’uħud mill-għaqdiet ambjentali hi li hemm bosta minnhom li illum il-ġurnata jiddependu minn awtoritajiet pubbliċi biex ikunu iffinanzjati uħud mill-proġetti tagħhom. M’hiex xi ħaġa li bdiet illum, imma osservajt minn xi żmien ilu (ankè qabel l-2013) li hemm uħud li waqgħu fil-muta.
Issa interessanti ħafna dwar kif Falzon jagħraf lil dawk li huma ġenwini minn dawk li m’humiex. Ma nafx jekk Falzon ikejjilx il-ġenwinità minn kemm jaqblu miegħu jew mal-Gvern tiegħu, jew minn kemm jinċensaw il-Gvern jew le.
Għax trid tkun nieqes mill-melħ biex titkellem b’dan il-mod.