Kandidat fl-elezzjoni ġenerali issa ser ikun jista’ jonfoq sa massimu ta’ €40,000 fil-kampanja elettorali fl-elezzjoni ġenerali, jekk jikkontesta fuq żewġ distretti.
Dan joħroġ mil-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti li issa waslet fl-aħħar stadji biex tkun approvata mill-Parlament u tidħol fis-seħħ matul ix-xhur li ġejjin.
Għal uħud li kandidat jonfoq €40,000 f’kampanja elettorali hu aċċettabbli.
F’Alternattiva Demokratika naħsbu li dan l-ammont hu wieħed esaġerat. Ħarsa madwarna turi li dawn l-ammonti intefqu fil-passat, probabbilment li intefqu iktar ukoll. Imma li issa l-liġi ser tippermetti dan l-infieq ifisser li l-infieq esaġerat ser isir aċċettabbli ukoll.
Huwa żball li jkun inkoraġġit dan l-infieq kollu.
Sal-lum l-infieq permissibli kien €1,400 (Lm600). Alternattiva Demokratika jidhrilha li infieq sa massimu ta’ €4,000 kien ikun ħafna iktar ragjonevoli għal kull kandidat.