L-istejjer fuq il-media l-bieraħ ma naqsux. Kemm fuq il-media stampata kif ukoll fuq dik elettronika.
Iż-Żonqor donnu li jrid jibqa’ fl-aħbarijiet, din id-darba minħabba sejba ta’ droga.
L-istorja fuq l-Independent dwar is-Segretarju Parlamentari Ian Borg hi inkwetanti ħafna, għax tallega li kien hemm abbuż minn persuna vulnerabbli. Hu allegat li persuna marida mentalment ġiet immanipulata biex hi tbiegħ art fil-limiti ta’ Ħad-Dingli. Ian Borg qed jiċħad dak allegat u qed jilmenta li l-istorja hi ġlieda interna f’familja li ma kellux jiddaħħal fiha. Jekk dak li qed jgħid Ian Borg hu korrett, seta qagħad ftit iktar attent Ian Borg biex jevita li jidħol bejn il-basla u qoxritha.
Imma l-istorja tal-ġimgħa naħseb li hi dik dwar il-Ministru Chris Cardona fuq il-blog ta’ Daphne Caruana Galizia: Economy Minister in the dog-house (actually, the Stable). Partijiet mill-artiklu qieshom script għal film. Il-mistoqsija bażika tibqa’ hemm: jekk il-Ministru Chris Cardona irċeviex riġal ta’ użu b’xejn ta’ flat lussuż f’Portomaso mingħand persuna fin-negozju – anzi, persuna li l-familja tagħha hi involuta fil-power station tal-gass f’Delimara.
Il-ħajja privata ta’ Chris Cardona ma tinteressanix. Dik tinteressa biss liz-zekzika.
Imma hu fl-interess pubbliku li jkun magħruf jekk Ministru rċeviex dawn it-tip ta’ rigali u jekk dan ifissirx li qed jikkomprometti l-uffiċċju politiku li jokkupa.
Imma donnu li xejn m’hu xejn. Kollox jgħaddi. Mhux hekk Joe?