Pass kbir il-quddiem

Financing of Political Parties Act

Fil-Parlament il-bieraħ fil-għaxija ġiet fi tmiemha d-diskussjoni dwar il-liġi dwar il-Finanzjament tal-Partiti. Dan sar fil-kumitat permanenti li jikkunsidra l-liġijiet.

F’isem Alternattiva Demokratika jiena kont mistieden nieħu sehem f’din id-diskussjoni li ilha sejra diversi ġimgħat. F’din id-diskussjoni l-abbozz ta’ liġi ġie analizzat kelma kelma. Forsi virgola, virgola ukoll.

Għalkemm hemm affarijiet fil-liġi li setgħu saru aħjar, inkluż uħud li għal Alternattiva Demokratika m’humiex aċċettabbli, fi tmiem id-diskussjoni l-abbozz ta’ liġi  xorta hu wieħed aħjar milli kif kien imfassal oriġinalment.

L-oġġezzjoni prinċipali ta’ Alternattiva Demokratika hija dwar ir-regolatur. Jiġifieri dwar min ser ikollu l-awtorità li jara li l-liġi taħdem sewwa u li tkun osservata. Sa mill-bidu nett tad-diskussjoni l-Gvern ippropona li din l-awtorità regolatorja tkun il-Kummissjoni Elettorali.

L-oġġezzjoni ta’ Alternattiva Demokratika hi ibbażata fuq il-mod kif inhi magħmula l-Kummissjoni Elettorali. Din fiha 9 membri. Erba’ minnhom jaħtarhom il-Prim Ministru. Erba’ oħra jaħtarhom il-Kap tal-Opposizzjoni. Id-disa’ membru jaħtru l-Gvern tal-ġurnata għax ikun l-impjegat tal-Gvern li jmexxi x-xogħol amministrattiv kollu tal-Kummissjoni Elettorali. Il-Kummissjoni Elettorali, mela, hi magħmula minn rappreżentanti taż-żewġ partiti fil-Parlament.

Diġa hi problema kbira li ż-żewġ partiti fil-Parlament għandhom f’idejhom kontroll esklussiv tal-proċess kollu elettorali. Problema li tittaffa ftit bil-fatt li l-liġijiet elettorali jidħlu f’ħafna dettall u ankè jorbtu idejn il-Kummissjoni Elettorali kważi f’kollox.

Imma fil-każ tal-finanzjament tal-partiti ser ikun hemm ħafna affarijiet li ser ikunu jeħtieġu diskrezzjoni. Ser ikun hemm bżonn interpretazzjoni u ser ikun hemm bżonn deċiżjonijiet. Kulħadd hu tad-demm u l-laħam u wisq nibża’ li dan ser ikun rifless fid-deċiżjonijiet li jittieħdu.

Kien ikun ħafna aħjar kieku flok il-Kummissjoni Elettorali bħala awtorità regolatorja intagħżel il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, kariga li ser tinħoloq permezz ta’ liġi oħra li għadha pendenti fuq l-aġenda Parlamentari. Min jokkupa din il-kariga ser jintagħżel mill-Parlament u biex jintagħżel ikun jeħtieġlu l-appoġġ ta’ mhux inqas minn żewġ terzi tal-Membri tal-Parlament. B’dan l-appoġġ, min ser jokkupa din il-kariga bil-fors li jkun persuna li tispira fiduċja u għaldaqstant tkun persuna aċċettabbli ukoll biex tkun l-awtorità li tieħu ħsieb l-amministrazzjoni tal-liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti politiċi. Din kienet il-proposta ta’ Alternattiva Demokratika, li iktar tard kisbet ukoll l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Gvern qatt ma qal li ma jaqbilx mal-proposta ta’ Alternattiva Demokratika. Qal biss li kien jippreferi li l-awtorità regolatorja tkun il-Kummissjoni Elettorali għax kien mgħaġġel. Kellu l-GRECO tal-Kunsill tal-Ewropa (Group of States Against Corruption) jiġri warajh u għaldaqstant ma kellux ċans joqgħod jibni l-istrutturi (institution building)!

Il-liġi probabbilment li tibda taħdem ftit xhur oħra. Il-partiti ser ikunu meħtieġa li jkollhom il-kontijiet tagħhom ivverifikati (audited). Ser ikun meħtieġ ukoll li kull sena jippreżentaw rapport dwar id-donazzjonijiet li jirċievu. Iridu ukoll jippubblikaw l-ismijiet ta’ dawk il-persuni li  fuq perjodu ta’ tnax-il xahar ikunu taw donazzjoni lill-partiti politiċi bejn €7,000 u €25,000. Ħadd ma jista’ jagħti donazzjoni ta’ iktar minn €25,000 f’sena, u għaldaqstant l-ebda partit politiku ma jista’ jaċċetta donazzjoni ta’ din ix-xorta.

Il-kontrolli, rapporti, verifiki u poteri tal-Kummissjoni Elettorali li tinvestiga huma kollha intenzjonati li jkun assigurat li jkun hemm trasparenza sħiħa fil-finanzjament tal-partiti politiċi u li din it-trasparenza twassal ukoll għal politka iktar nadifa.

Naslu? Issa naraw. Imma nemmen li bil-mod il-mod naslu ukoll.

Nemmen li bid-difetti b’kollox li fiha l-liġi din hi pass kbir il-quddiem.