Jidher li qed toqrob id-daqqa ta’ Kemmuna.
Madwar sena ilu kienet inbniet triq illegali fuq Kemmuna. Wara kellna s-skiet.
Issa l-Malta Today qed tirrapporta li qed jitħejjew pjani biex il-lukanda u l-bungalows f’Kemmuna jkun żviluppati mill-ġdid.
Kemmuna hi protetta bħala sit Natura 2000. Imma ma nistgħux neskludu logħob tas-soltu biex iduru ma din il-protezzjoni u fl-aħħar, għal darba oħra, tinqered biċċa oħra mill-wirt naturali ta’ dan il-pajjiż.
Id-Direttiva dwar il-Habitats tal-EU tagħti protezzjoni lill-Kemmuna. Meta Kemmuna kienet ġiet dikjarata sit Natura 2000 kienu ġew identifikati l-ispeċi tal-flora u l-fawna li kienu qed jiġu protetti b’din il-miżura. Irridu naraw kemm din il-protezzjoni tista’ tiddgħajjef bħala riżultat tal-iżvilupp li ser ikun propost fuq Kemmuna.
L-impatti kollha huma importanti, kemm dawk waqt il-kostruzzjoni proposta (inkluża t-twaqqiegħ tal-lukanda u bungalows eżistenti u l-possibli tqattiegħ ta’ blat biex jiżviluppaw parti ġdida taħt l-art) kif ukoll bl-użu ta’ dak li eventwalment ikun kostruwit. minflok il-bini li jkun twaqqa’.
Fis-snin li għaddew, jiena infurmat li diġa saru diskussjonijiet u negozjati bejn dawk li għandhom għajnejhom fuq Kemmuna u d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Ambjent li llum hemm fil-MEPA. Billi d-Direttorat dakinnhar żamm iebes, naħseb li jkun hemm min jipprova jibdel id-deċiżjonijiet li diġa ittieħdu fil-passat bit-tama li jkunu jistgħu jiżviluppaw biċċa ikbar minn Kemmuna: biċċa ikbar mill-art li illum hi okkupata mill-lukanda u l-bungalows, inkluż faċilitajiet sportivi taħt l-art fejn qed jiġi ippjanat li jitqatta’ l-blat.
Ħalluna naħdmu, kienu qalulna! Issa naraw safejn ser jaslu.
Wara li qerdu kullimkien, issa jmiss Kemmuna, għax il-kilba tagħhom għall-flus ma tixba’ qatt.