F’Krško evitat inċident nukleari

                                                    Konferenza tal-Aħbarijiet dwar l-inċident

 

Nhar l-Erbgħa 4 ta’ Ġunju 2008 f’Krško ġewwa s-Slovenja, għaxar kilometri mill-fruntiera mal-Croatia, kien evitat inċident nukleari.

 

L-impjant nukleari li jiġġenera 700 Megawatt ta’ elettriku u jissuplixxi dan kemm lis-Slovenja kif ukoll lill-Croatia inbena mill-kumpanija Amerikan Westinghouse bejn l-1974 u l-1984.

 

X’ġara ?

 

Ħareġ ilma li jintuża biex ikessaħ l-impjant nukleari (cooling water). Dan għandu importanza kbira fit-teknoloġija użata. Fil-fatt immedjatament l-impjant ingħalaq. Li kieku dan ma seħħx il-problema kienet tista’ tikber tali li jekk it-temperatura tibqa’ togħla jkun hemm kollass totali (melting down) tal-impjant kif ġara f’Chernobyl  fl-1986 u kif kważi ġara fi Three Mile Island fl-1979.

 

Iktar tard l-Erbgħa fil-għaxija ġie kkonfermat illi l-ebda materjal radjuattiv ma ħareġ il-barra mill-impjant u b’hekk ma ġie kkawżat l-ebda dannu ambjentali.

 

L-inċident ikkawża allarm kbir tant li ġie attivat is-sistema ta’ allarm uffiċjali tal-Unjoni Ewropea magħrufa bħala ECURIE (European Community Urgent Radiological Information Exchange) sistema li ma kienitx ġiet attivata meta kien hemm inċidenti serji fl-impjanti nukleari ta’ Försmark fl-Iżvezja u Brunsbüttel fil-Ġermanja. Il-pubbliku, kif qalet il-Federazzjoni tal-Partiti l-Ħodor fil-Parlament Ewropew huwa anzjuż u attent ħafna minħabba r-riskji bla bżonn li l-enerġija nukleari qed tesponi lill-komunita’ għalihom.

Leave a comment