Ir-Riforma tal-MEPA : (3) Il-ħatriet

L-istrutturi n-nies iħaddmuhom. Fl-aħħar dawn l-istrutturi jaħdmu jew ma jaħdmux skond kemm ikunu kapaċi dawk fdati biex jamministraw.

Meta l-MEPA żdiedulha r-responsabbiltajiet ambjentali ma dawk dwar l-użu tal-art ma sar l-ebda sforz biex jitjieb is-setup tagħha.  Il-Bord tal-MEPA għadu kompost bl-istess mod  sal-lum.

Ir-riforma tal-MEPA għalhekk għandha tagħti iktar każ ta’ x’tip ta’ Bord teħtieġ kif ukoll il-mod li bih jinħatru dawk li jmexxu l-MEPA fil-livelli differenti tagħha.

L-ewwel tajjeb li nistaqsu jekk huwiex neċessarju li żewġ membri parlamentari jkunu membri tal-Bord tal-MEPA, jieħdu sehem fid-diskussjonijiet interni kollha u anke jivvutaw fejn meħtieġ dwar deċiżjonijiet li jittieħdu. Mhux aħjar li l-membri parlamentari josservaw milli jieħdu sehem ? Dwar dan iktar tard.

It-tieni huwa meħtieġ li l-membri tal-Bord ikunu nies ta’ integrita. Mhux biss, iżda jrid ikun ċar li fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum ma hemm xejn li jista’ jċajpar dan. Iktar l-isfel f’dan il-blog (ara post tas-7 ta’ Frar 2008) ktibt dwar każ ta’ użura u ex-membru tal-Bord tal-MEPA. Fil-Qorti ssemmew iktar minn Lm2 miljuni !

Issa jiena ma naħsibx illi min ħatar lil din il-persuna fil-Bord tal-MEPA kien konxju ta’ dawn l-affarijiet. Imma hemm bżonn li din l-informazzjoni tkun magħrufa minn qabel ma ssir il-ħatra. Għax min ikollu dawn il-problemi ma jistax jaqdi dmiru sewwa.

It-tielet : huwa meħtieġ li jkollhom il-kompetenza. Mhux neċessarju li jkunu periti. Kieku hawn biżżejjed jista’ jkunu professjonisti tal-ippjanar (planners) ukoll. Kien hemm  wisq periti fil-bordijiet tul dawn is-snin. Għandu jkompli jonqos in-numru ta’ periti membri tal-bordijiet tal-MEPA mhux biss minħabba li l-possibilta ta’ konflitt ta’ interess fil-każ tagħhom hi ikbar, iżda ukoll (u l-iktar importanti, fil-fehma tiegħi) minħabba li perit konvenzjonali jxaqleb wisq favur l-iżvilupp. Hemm bżonn li jinħatru ambjentalisti fil-bordijiet u l-iktar (iżda mhux biss) fejn jittieħdu deċiżjonijiet dwar permessi barra miż-żona ta’ żvilupp.  

Ir-raba’ : uħud mill-membri tal-Bord tal-MEPA illum jissejħu membri indipendenti, għax m’humiex impjegati fis-settur pubbliku. Oħrajn jinħatru minn fost l-impjegati tas-settur pubbliku. L-indipendenza li għandna nfittxu hija ta’ xorta oħra, dik tal-ħsieb, jiġifieri ta’ nies li ma jitmexxewx min imneħirhom. Jagħmel sens li jinħatru persuni bħala membri tal-Bord tal-MEPA uffiċjali pubbliċi ? Jiena naħseb li dan m’għandux jibqa’ jsir. Kull membru tal-Bord għandu jinħatar minħabba li huwa kapaċi għar-responsabbilta li ser jidħol għaliha. Hekk forsi jkun hemm inqas membri suxxettibbli għal pressjoni politika u jkun hemm inqas ċans li l–proġetti ppresentati mill-Gvern jingħataw trattament preferenzjali.

Il-ħames : min għandu jkollu l-aħħar kelma fil-ħatriet ? Il-prassi sal-lum kienet li l-aħħar kelma kienet tal-Gvern permezz tal-Prim Ministru li jaġixxi fuq parir tal-Ministru responsabbli għall-Ambjent. Waqt il-kampanja elettorali li għada kif spiċċat l-Alternattiva Demokratika pproponiet li jkun involut il-Parlament fil-ħatriet ewlenin u dan permezz ta’ Kumitat Magħżul li jeżamina dawn il-ħatriet waqt smiegħ pubbliku. Sal-lum ma smajt l-ebda kritika ta’ din il-proposta. L-involviment tal-Parlament biex jiġu kkonfermati l-ħatriet tkun tfisser skrutinju pubbliku tagħhom. Dan  jirrinforza iktar serjeta’ fil-proċess.

 

(ikompli)