Ir-rapport dwar il-Mistra

mistra.jpg

Ir-rapport tal-Audit Officer tal-MEPA dwar il-każ tal-Mistra li l-Prim Ministru ippubblika iktar kmieni llum ma ħasadnix. Bħalu rajt bosta oħrajn.

Huwa posittiv u ta’ inkoraġġiment li l-Prim Ministru aġixxa mill-ewwel billi ppubblika r-rapport kif ukoll billi rrinforza r-rakkomandazzjonijiet tal-Perit Joe Falzon, l-Audit Officer. Li kieku l-predeċessur tiegħu b’responsabbilta politika għall-MEPA mexa l-istess fil-passat ricenti is-sitwazzjoni fil-MEPA illum kienet tkun ħafna aħjar milli hi.

Ir-rapport tal-Audit Officer iżda m’hiex l-aħħar kelma dwar il-każ. Hemm l-investigazzjonijiet tal-pulizija li għad iridu jkunu konklużi. Hemm ukoll ir-rwol tal-Awtorita tat-Turiżmu (MTA) li jrid ikun iċċarat. Għandu jkun issottolineat li l-MTA għandha esperti fil-qasam tal-Ippjanar impjegati tagħha u ma nistax nifhem kif tasal biex ma tagħtix piż xieraq lill-konsiderazzjonijet ambjentali fil-proġetti li tagħti appoġġ.

Il-Kummissjoni li ħarġet il-permess ilha li rriżenjat. Issa naħseb li wasal il-ħin li jirreżenja ukoll min għamel pressjoni fuq membri tal-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp biex jinħareġ permess illegali (ara hawn).

Taxxi ambjentali

solar_panel_497106_2.jpg

bims06gj_m0007.jpg

Is-summit tal-EU fi tmiem il-ġimgħa l-oħra qabel fost oħrajn li jikkunsidra t-tnaqqis tal-VAT minn minimu ta’ 15% għal minimu ta’ 5% fuq dawk l-oġġetti li jikkawżaw anqas ħsara ambjentali. (ghafas hawn). 

Il-proposti finali huma mistennija fis-sajf li ġej meta l-Kummissjoni Ewropea tippreżenta proposti dwar il-VAT li jkun meħtieġ l-approvazzjoni unanima biex dawn jidħlu fis-seħħ.

Wasal iż-żmien li aħna wkoll f’Malta nibdew diskussjoni bis-serjeta’ fuq dan is-suġġett. Fuq l-eko-kontribuzzjoni u kemm din irnexxielha tnaqqas l-impatti ambjentali. Fuq it-taxxa dwar ir-registrazzjoni tal-karozzi u kif din tista’ tkun sostitwita b’taxxa alternattiva li jirnexxielha tinkuraġixxi l-użu tat-trasport pubbliku. Biex dan iseħħ jeħtieġ transport pubbliku effiċjenti li jservi lil kull rokna ta’ Malta.

Din hi materja li dwarha m’għandux ikun hemm differenzi partiġġjani. Għalkemm huwa ovvju li hemm differenzi kif il-politika tal-partiti differenti tħares lejn ir-rwol ta’ miżuri fiskali biex jitjieb l-ambjent tagħna naħseb li lkoll aħna motivati mix-xewqa li ntejbu l-affarijiet.

KONSULTAZZJONI – Agħti l-opinjoni tiegħek

adsmall.gif

L-Eżekuttiv ta’ Alternattiva Demokratika – The Green Party iddeċieda li jaħtar kummissjoni biex teżamina r-riżultat li kisbet l-AD fl-elezzjoni ġenerali tal-ġimgħa l-oħra. Il-kummissjoni hi mistennija li teżamina l-ħidma u l-mod kif tiffunzjona l-AD u tipproponi tibdil u titjib fejn jirriżulta meħtieġ. Dan in vista ta’ l-isfidi elettorali li jmiss.

Tista’ tibgħat is-sottomissjonijiet tiegħek bl-email: alternattiva2008@yahoogroups.com 

Il-Kummissjoni ser tkun komposta kif ġej :

Il-Perit Carmel Cacopardo (Rapporteur)

Is-Sur Kurt Sansone, gurnalist

Dr. Claire Bonello, Avukat.