Ir-Riforma tal-MEPA : (2) Separazzjoni ?

L-integrazzjoni tal-ambjent u l-ippjanar fl-użu tal-art f’awtorita’ waħda għalkemm saret b’intenzjoni tajba ma rnexxietx bil-mod kif saret. Dan għaliex id-Direttorat tal-Ambjent imneżża’ minn staff imħarreġ biżżejjed u mingħajr l-esperjenzi akkumulati fid-Direttorat tal-Ippjanar spiċċa ta’ importanza sekondarja. Tant illi apparti r-riżenji kontinwi tal-aħjar elementi mid-Direttorat tal-Ambjent beda movement ta’ impjegati mill-qasam tal-Ippjanar lejn dak tal-Ambjent biex jimtlew postijiet li tbattlu jew li nħolqu. Uħud huma addattati oħrajn le.

Naħseb li l-ewwel deċiżjoni li trid tittieħed fil-proċess ta’ riforma tal-MEPA trid tindirizza din l-issue : għandhom l-ambjent u l-ippjanar jiffurmaw parti mill-istess awtorita ?

Jiena naħseb li għandhom ikunu separati minn xulxin u dan għal raġuni waħda : id-Direttorat għall-Ambjent, fost il-funzjonijiet ewlenin tiegħu huwa meħtieġ li jgħasses kontinwament fuq id-Direttorat tal-Ippjanar, funzjoni li ma tantx irnexxiet. Funzjoni li tista’ issir iktar minn barra milli minn ġewwa awtorita’ waħda, fejn f’każ ta’ konflitt ta’ opinjoni jiddeċiedi min hu l-iżjed b’saħħtu jew influwenti fl-istituzzjoni. U l-influwenza fil-MEPA s’issa, anke in vista tal-ħatriet li saru matul is-snin dejjem kienet favur l-iżvilupp akkost ta’ kollox.

Nifhem li l-argument ta’ min dejjem xtaq awtorita’ waħda huwa n-nuqqas ta’ riżorsi umani u finanzjarji biex imantnu pluralita’ ta’ istituzzjonijiet. Dan jista’ jwassal għal soluzzjoni li tkun fit-triq tan-nofs. Is-soluzzjoni tista’ tinstab fil-komposizzjoni tal-Bord li jmexxi l-MEPA. Imma dwar dan darba oħra.

(ikompli)