Il-każ tal-Mistra

mepa.jpg mistra.jpg 

Il-każ tal-Mistra fejn ħareġ permess għal “open air entertainment area” huwa żball ieħor oħxon mill-MEPA.

L-applikazzjoni PA 5880/05 ġiet sottomessa nhar it-23 ta’ Settembru 2005 u approvata fit-12 ta’ Novembru 2007. L-approvazzjoni kienet ta’ Outline Development Permit, jiġifieri l-MEPA approvat fil-prinċipju “utilisation of open area as an open air entertainment area”.

Intqal li ħafna awtoritajiet qablu ma dan l-iżvilupp u ċjoe l-Awtorita’ tat-Turiżmu, l-Enemalta, l-Awtorita’ dwar ir-Riżorsi …………..  Imma ftit qalu li d-Direttorat tal-Ippjanar ma qabilx mal-ħruġ ta’ dan il-permess.

Kontu tafu li l-art li fuqha huwa propost li jsir dan l-iżvilupp hi protetta ? Il-protezzjoni illum hija taħt il-provedimenti tal-Habitats Directive tal-Unjoni Ewropea li tistabilixxi li ma jista’ jsir l-ebda żvilupp, xejn, ħlief dak li huwa neċessarju għall-amministrazzjoni tas-sit.

Jiġifieri jekk dan l-iżvilupp isir Malta tkun qed tesponi lilha nnifisha għal passi legali oħra mill-EU. Dawn huma l-affarijiet li jrid jara min jiftaħar li huwa favur l-Unjoni Ewropea. Hemm bżonn li jkun favur bil-fatti u mhux bil-paroli.

U xi ngħidu għad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Ambjent ? F’każijiet bħal dawn jinħass in-nuqqas tiegħu. Jinħass kemm kien kbir l-iżball li sar 6 snin ilu meta dan ġie assorbit fil-MEPA u mqiegħed f’idejn persuni li ma jifhmux.

L-approvazzjoni ta’ dan il-permess sar mill-istess Kummissjoni li approvat il-bini tas-supermarket taċ-Caqnu f’Ħal-Safi. Dik il-Kummissjoni li irreżenjat il-ġimgħa l-oħra.

Dan kollu juri kemm huma f’waqthom il-proposti tal-Alternattiva għar-riforma tal-MEPA, fosthom :

  1. li d-Direttorat tal-Ambjent jinfired mid-Direttorat tal-Ippjanar : b’hekk ikun hemm min verament jgħasses fuq dak li jkun propost biex jiġi żviluppat;
  2. li l-membri tal-bordijiet ma jinħatrux mill-Ministru jew mill-Prim Ministru iżda minn kumitat parlamentari u dan wara smiegħ pubbliku; b’hekk tonqos  il-possibilita tal-ħatra ta’ persuni inkompetenti.

L-Alternattiva fi Gvern ta’ Koalizzjoni hi l-unika garanzija biex dawn l-affarijiet ma jsirux izjed.