Tibet

tibetflag.gif

freetibet.gif

Illum il-31 ta’ Marzu huwa xieraq li nirriflettu ftit fuq il-qagħda fit-Tibet. Pajjiż okkupat minn forzi barranin.

Il-protesti preżenti fi Lhasa, belt kapitali tat-Tibet ilhom għaddejjin min-nofs Marzu, anniversarju tal-protesti imdemmija li kienu saru kontra t-tmexxija Ċiniża fit-Tibet fl-1959.

L-istorja tat-Tibet hi waħda ta’ sekli sħaħ ta’ dominazzjoni Ċiniża.

Issa it-Tibetani qed iħosshom minoranza f’pajjiżhom. Il-mexxej tagħhom id-Dalai Lama fl-eżilju.

Bil-waqa’ tad-dinastija Qing it-Tibet sar stat indipendenti fl-1913, wara sekli sħaħ taħt id-dominju Ċiniż. Baqa’ hekk indipendenti sal-1951 meta reġa’ ġie anness mar-Republika Popolari Ċiniża. Dak li li llum huwa magħrufa bħala r-Reġju Awtonomu tat-Tibet huwa biss parti minn dik li kien it-Tibet. Il-bqija ġie inkorporat fi-proviċji Ċiniżi ta’ Sichuan, Yunnan, Gansu, u Qinghai.

Fl-10 ta’ Marzu 1959 l-armata Ċiniża attakkat il-palazz tad-Dalai Lama, l-mexxej tat-Tibet, li irnexxielu jaħrab lejn l-Indja fejn qiegħed fl-eżilju.

Nhar l-10 ta’ Marzu 2008 mitt patri mill-monasteru Drepung bdew mixja lejn Lhasa bħala protesta għall-arrest ta’ patrijiet wara li d-Dalai Lama ngħata midalja tad-deheb mill-Kungress Amerikan. Il-forzi tas-sigurta Ċiniżi mhux biss żammew il-mixja milli tkompli għaddejja, talli uħud mill-patrijiet ġew imsawta.

Is-sena d-dieħla jaħbat il-50 anniversarju tal-irvellijiet tal-1959.

Dan fil-qosor huwa l-kuntest ta’ dak li qiegħed jiġri llum fit-Tibet.

Il-poplu tat-Tibet jixraqlu appoġġ. Uħud iridu jużaw l-Olimpijadi ta’ Bejing għal dan l-iskop. Fil-passat kien hemm min ipprova jagħmel dan dwar il-gwerra tal-Afganistan (l-Olimijadi ta’ Moska fl-1980) imma l-iskop ma ntlaħaqx.

Għax l-isport u l-politika m’għandhomx jiġu mħallta.

Il-komunita internazzjonali xorta għandha l-obbligu li tagħti l-kontribut tagħha biex l-imperu Ċiniż jisfaxa ukoll bħalma ġralu dak Sovjetiku 18-il sena ilu. Ilhom jistennew 50 sena !