
L-Alternattiva Demokratika ma ivvintatx il-kelma koalizzjoni. Iżda għamlet użu minnha f’din il-kampanja elettorali biex twassal messaġġ politiku qawwi. Messaġġ li wasal u li qiegħed jinftiehem.
Gvern ta’ Koalizzjoni jfisser Gvern magħmul minn iktar minn Partit wieħed. Gvern allura li għandu viżjoni politika iktar wiesa’ minn dik tal-Gvernijiet li bħala pajjiż aħna mdorrijin bihom.
Gvern ta’ Koalizzjoni jkollu politika li tagħti każ tal-aspirazzjonijiet ta’ kulħadd mill-perspettiva tal-partiti politiċi li jiffurmaw il-koalizzjoni. Huwa Gvern li ma jarmi lil ħadd għax kulħadd huwa validu, kulħadd għandu kontribut. Il-kontribut ta’ kulħadd huwa apprezzat.
Gvern ta’ Koalizzjoni ma jarmix nofs il-popolazzjoni biex jaqdi parti min-nofs l-ieħor. Iżda jservi lill-popolazzjoni kollha. Biex jagħti dan is-servizz jagħmel użu mit-talenti ta’ kulħadd. Kulħadd jista’ jagħti kontribut biex dan il-pajjiż jimxi l-quddiem. Mhux biss dawk li jivvutaw lill-partiti li jiffurmaw il-koalizzjoni.
Gvern ta’ Koalizzjoni huwa l-unika garanzija li dan il-pajjiż jista’ jkollu li l-vendikazzjonijiet u d-diskriminazzjoni politika ma jibqawx għodda ta’ amministrazzjoni politika f’dan il-pajjiż.
Gvern ta’ Koalizzjoni jfisser li l-ebda partit politiku waħdu ma jkollu iktar il-poter assolut f’dan il-pajjiż. Il-poter assolut jikkorrompi l-istituzzjonijiet u jirrendihom servi ta’ partit u mhux iktar tal-pajjiż.
Hawn min qiegħed ixerred il-biża’ kontra l-idea ta’ Gvern ta’ Koalizzjoni. Fir-realta’ biża kbira qed issaltan fost dawk li bi Gvern ta’ Koalizzjoni ma jkunx iktar possibli għalihom li jibqgħu jiġbdu l-ispag u b’hekk imexxu l-pajjiż minn wara l-kwinti.
Il-pedamenti tal-ħidma politika ta’ Gvern ta’ Koalizzjoni huwa għalhekk li jkollna Gvern miftuħ (open government), trasparenti u li jagħti kont ta’ egħmilu il-ħin kollu, kull jum tal-eżistenza tiegħu. Fost il-miżuri basiċi li l-Alternattiva qed tipproponi hemm liġi dwar il-finanzjament tal-partiti, li jiġi stabilit darba għal dejjem id-dritt tal-informazzjoni kif ukoll li tingħata l-protezzjoni (permezz ta’ Whistleblower Act) lil min jikxef il-ħmieġ u l-irregolaritajiet fl-amministrazzjoni pubblika.
Dawn huma l-pedamenti ta’ Gvern ta’ Koalizzjoni li ser ikollna fi ftit jiem oħra. Gvern li jkun ta’ kulħadd u li jservi lil kulħadd.