Ir-Riforma tal-MEPA : (6) Konklużjoni

Matul dawn l-aħħar jiem fuq dan il-blog fissirt fehmti dwar l-aspetti prinċipali li naħseb illi riforma tal-MEPA għandha tindirizza.

L-ebda riforma m’hi ser tirnexxi jekk dawk li eventwalment iridu jamministrawha ma jħaddnux bis-serjeta’ l-prinċipji ta’ trasparenza u kontabilita. Il-ħidma kollha trid tkun fil-beraħ, u kulħadd irid jagħti kont ta’ egħmilu. Miż-żgħir nett sal-kbir nett, bla eċċezzjoni.

Riforma tal-MEPA biex tkun effettiva tirrikjedi ukoll miżuri oħra, li mad-daqqa t’għajn jistgħu għal uħud jidhru li ma tantx għandhom x’jaqsmu. Dan irid jinvolvi liġi li tirregola l-finanzjament tal-politika, t-twessiegħ tad-dritt għal informazzjoni (presentement eżistenti b’mod limitat) u liġi li tipproteġi lil min jikxef l-irregolaritajiet, ċjoe Whisteblowers Act.

Mhux kulħadd jistenna l-istess riżultat mill-MEPA. L-industrija tal-bini w l-iżviluppaturi jistennew li l-permessi ta’ żvilupp ikunu f’idejhom malajr u mingħajr ħafna mistoqsijiet. Ir-residenti u l-ambjentalisti jistennew li joħorġu inqas permessi kif ukoll li tonqos l-art li tingħata għall-bini.

Ir-realta’ hi li l-MEPA m’għandhiex tibqa’ tiġi meqjusa bħala magna tal-permessi tal-iżvilupp, iżda ta’ tarka tal-komunita li tinkuraġixxi dejjem żvilupp li jkun sostenibbli. Jiġifieri dik il-ħidma li meta sseħħ, filwaqt li tkattar il-ġid ekonomiku, ttejjeb l-infrastruttura soċjali u tkun kompatibbli (il-ħin kollu) mal-wirt ambjentali tagħna u mal-eko-sistema li minnha niffurmaw parti.

Imma dan ma jikkuntentax lil kulħadd. Għalhekk isiru kemm isiru riformi l-MEPA ser tibqa’ kontroversjali.

F’dan il-kuntest naħseb illi riforma tal-MEPA għandha fl-istadju inizzjali tindirizza s-segwenti :

  1. il-ħtieġa li l-Ministru responsabbli għaliha jagħraf jagħti direzzjoni filwaqt li jeżiġi kontabilita’ sħiħa mingħajr ma jindaħal fil-ħidma ta’ kuljum,
  2. in-neċessita’ li l-ħidma tal-MEPA tkun sorveljata kontinwament biex min hu responsabbli għaliha jagħti kont ta’ egħmilu kuljum, dan jgħodd kemm għal politiku kif ukoll għat-tekniku,
  3. il-ħatra ta’ l-aħjar nies; issa dan hu ftit diffiċli minħabba li mhux kuħadd huwa lest li jagħti servizz pubbliku; il-kompetenza mhux il-fehma politika għandha tkun ir-riga li biha jitkejlu n-nies li jintagħżlu;
  4. il-kunflitt ta’ interess għandu jkun indirizzat minnufih, preferibilment jiġi evitat, u m’għandux jitħalla jakkumula b’mod li eventwalment jhedded il-kredibilita’ ta’ kulħadd inkluż ta’ l-istituzzjoni nnifisha.

Emendi fil-liġijiet jistgħu jkunu neċessarji iżda l-parti l-kbira tad-diffikultajiet tas-snin passati jistgħu jkunu indirizzati b’suċċess kemm-il darba jistabu l-persuni addattati.

Għalkemm jidher li hemm il-volonta’ li dan isir, huwa ż-żmien li ser jagħtina parir.

  

(tmiem)  

Advertisements