EIA dwar il-pipeline tal-gass: konsultazzjoni pubblika bdiet illum!

Illum il-Ħadd fetħet il-konsultazzjoni pubblika dwar il-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija: bejn Delimara u Gela.

Din il-konsultazzjoni hi dwar l-istudju dwar l-impatt ambjentali. Hemm ċans xahar, jiġifieri sal-15 t’April 2020.

Fid-dawl tal-kriżi attwali kkawżata mill-pandemija tal-Coronavirus, wieħed bil-fors jiddubita x’rieda tajba hemm ta’ parti tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi li qed tikkoordina l-konsultazzjoni.

X’sens jagħmel li bħalissa jingħata bidu għal din il-konsultazzjoni pubblika?

Ir-riskji tat-tanker tal-gass

Delimara floating gas stirage terminal

Ilna iktar minn tliet snin nargumentaw fuq il-ħażna tal-gass għall-power station ġdida li kienet issue ċentrali fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

Qabel l-elezzjoni l-ħażna kienet proposta li issir fuq l-art. Wara l-elezzjoni nbidlu l-pjani u saret il-proposta għall-ħażna fuq il-baħar.

Tajjeb li niftakru li fi tmiem is-snin 90 kien hemm diskussjonijiet dettaljati mat-Taljani tal-AGIP dwar il-kostruzzjoni ta’ pipeline tal-gass bejn Gela fi Sqallija u Marsaxlokk. Il-ftehim ma twettaqx għax kieku ilna 20 sena bil-gass u t-tanker ma kienx ikun hemm bżonnu.

Il-Gvern ħabbar xi xhur ilu li t-tanker tal-gass sorġut fil-Port ta’ Marsaxlokk ser ikun qiegħed hemm temporanjament sakemm ikunu iffinalizzati l-proċeduri kollha neċessarji biex isir il-pipeline tal-gass.

Meta kien hemm id-diskussjoni dwar il-power station il-ġdida quddiem il-Bord tal-MEPA xi sentejn ilu konna iddiskutejna f’ċerta dettall id-diffikultajiet li konna qed nantiċipaw dwar dan it-tanker tal-gass. Dawn essenzjalment kienu tnejn. L-ewwel l-impatt tal-maltemp fuq it-tanker innifsu kif ukoll fuq il-vapuri  fil-viċinanzi, prinċipalment dawk fil-Port  Ħieles imma ukoll l-impatt fuq is-sajjieda. It-tieni dwar il-miżuri ta’ sigurtá biex ikunu evitati inċidenti u f’kaz li dawn xorta jseħħu jkunu minimizzati l-konsegwenzi.

Fil-ġranet li ġejjin ser ikunu ippubblikati r-rapporti li saru u terġa tiftaħ beraħ id-diskussjoni.

Naħseb li kulħadd jieħu pjaċir kieku dawn il-problemi jissolvew.

L-istandards ta’ sigurtá fl-industrija tal-gass ifissru li dwar issues ta’ sigurtá u periklu, r-riskju possibilment ikun minimizzat kif kienu rrappurtaw l-esperti George Papadakis u Roberto Vaccari, kwazi tlett snin ilu. Hemm ukoll il-materja tas-sigurtá marittima li għad irridu naraw x’miżuri effettivi ser jittieħdu. Għax s’issa ftit huwa magħruf sakemm naraw ir-rapporti u naqrawhom sew.

Ir-riskji ħadd ma hu ser jeliminhom. Bla dubju hemm kull interess li dawn jonqsu l-iktar possibli. Imma kemm fil-fatt jonqsu  għad irridu naraw. Kif wara kollox irridu naraw min ser iħallas il-prezz. U l-prezz, tajjeb li niftakru, ma jitħallasx biss bl-euro.

ippubblikat fuq iNews : 17 t’Ottubru 2016

Bejn il-Freeport u t-tanker tal-gass : min jagħmel l-iktar ħsara?

gas at Marsaxlokk

 

Bħalissa għaddejjin numru ta’ argumenti bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista dwar il-Bajja ta’ Marsaxlokk. Dwar il-kuntrast bejn l-impatti tal-Freeport u dawk tat-tanker tal-gass li dalwaqt ikun qiegħed fi triqtu lejn Malta minn Singapore!

Il-Partit Laburista fl-aħħar induna li l-Freeport għandu impatt negattiv fuq ir-residenti ta’ Birżebbuġa. Qed ngħid li fl-aħħar induna, għax għal numru kbir ta’ snin ħadd mill-Partit Laburista ma fetaħ ħalqu dwar dan is-suġġett. Inkluż meta l-Grupp Parlamentari Laburista kollu, unanimament, ivvota favur li l-konnċessjoni tat-Terminal tal-Port Ħieles lis-CMA-CGM tiżdied minn 30 għal 65 sena. Dakinnhar ħadd mill-Partit Laburista ma kellu riżervi favur ir-residenti ta’ Birżebbuġa. Imma biż-żmien il-Partit Laburista fetaħ għajnejħ. Iktar għall-konvenjenza milli b’konvinzjoni. Imma fetaħhom.

Allura issa li l-Partit Laburista fetaħ għajnejh dwar il-Freeport qed jakkuża lill-Partit Nazzjonalista li hu ma jimpurtahx mill-impatti fuq ir-residenti ta’ Birżebbuġa. Kif kien il-Partit Laburista sa ftit ilu!

Ir-risposta tal-Partit Nazzjonalista, kif antiċipat, hi emfasi fuq it-tanker tal-ħażna tal-gass li ser ikun sorġut fil-Bajja ta’ Marsaxlokk għal numru ta’ snin sakemm isir il-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija.

Il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista jridu jdaħħqu dwar min għamel l-iktar ħsara!

Ir-realtà hi li l-ħsara jagħmluha t-tnejn imma din m’hiex ħsara komparabbli.

Il-ħsara kkawżata mill-Freeport Terminal hi riżultat ta’ ippjanar ħażin li ma qiesx l-impatti tal-operat tal-Freeport Terminal fuq ir-residenti ta’ Birżebbuġa. Huwa nuqqas li jmur lura sal-1962, li seta jkun ikkoreġut fis-snin tmenin u li minflok sar agħar bil-plots għad-djar li ħareġ il-Gvern fil-viċinanżi!

Il-ħsara li jista’ jikkawża t-tanker tal-gass hi li jqarreb il-periklu (anke jekk remot) lejn ir-residenti ta’ Birżebbuġa. Hawn ukoll hawn nuqqas ta’ ippjanar. Imma tajjeb, for the record, niftakru li l-Gvern Taljan permezz tal-ENI fl-1999 ried jagħmel il-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija. Imma l-Gvern, dakinnhar immexxi mill-PN, ma wasalx għal ftehim!

Kieku l-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista ippjana l-politika tal-enerġija sewwa ilna iktar minn 10 snin li qlibna għall-gass u bla dubju ma jkunx hemm bżonn l-ebda tanker tal-gass!

Allura, ser jibqgħu għaddejjin biha dwar min għamel l-iktar ħsara?

Wara t-tejatrin ta’ Singapore …………….. lil hinn mill-partiġjaniżmu politiku

Delimara floating gas stirage terminal

 

Qed joqrob il-jum li fih it-tanker għall-ħażna tal-gass tal-power station jidħol u jitqiegħed fil-Port ta’ Marsaxlokk. Qed jgħidulna li dan ser ikun temporanju, jiġifieri għal ftit taż-żmien, sakemm jitlestew l-istudji dwar il-pipline tal-gass bejn Sqallija u Malta. Ovvjament trid iżżid ukoll iż-żmien biex il-pipeline jitqieghed f’qiegħ il-baħar inkluż ukoll il-perjodu tal-finanzjament, tendering u commissioning. Mhux xahar u tnejn.

Kemm ser ikun twil dan il-perjodu temporanju? Jiddependi mix-xogħol li sar diġà. Peró ma neħodiex bi kbira jekk dan iż-żmien ikun bejn 5 u 8 snin.

Sadanittant hemm il-ħtieġa li jkun ikkunsidrat il-permess operattiv tal-power station taħdem bil-gass f’Delimara. Dan il-permess ikun irid jissodisfa tlett tipi ta’ direttivi/regolamenti. Dawk dwar l-impjanti industrijali, dawk dwar l-impatti ambjentali (IPPC – Integrated Pollution Prevention and Control) u dawk dwar il-ħarsien minn inċidenti industrijali u l-impatti kemm ambjentali kif ukoll dawk ta’ protezzjoni ċivili (Direttivi ta’ Seveso).

Dan kollu jkun ikkunsidrat mill-Awtorità tal-Ambjent u Riżorsi flimkien ma’ awtoritajiet oħra, prinċipalment id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Awtorità għall-Ħarsien tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol. Imma ser ikun hemm ukoll bla dubju ħtieġa  ta’ eżami sewwa ta’ issues ta’ navigazzjoni minn Trasport Malta minħabba kemm it-tanker stazzjonarju (marbut mal-moll) fil-bajja ta’ Marsaxlokk kif ukoll minħabba li madwar 8 darbiet fis-sena ser jidħlu tankers bil-ħtiġijiet tal-gass skond kemm tkun qed tikkonsma gass il-Power Station ta’ Delimara.

Dawn huma kollha affarijiet li ġew diskussi f’ċerta dettall madwar sentejn ilu meta kien qed ikun diskuss il-permess ta’ żvilupp quddiem il-MEPA. Dakinnhar kien intqal li dawn kollha kienu affarijiet li riedu jkunu deċiżi iktar tard. Preċiżament issa hu dak il-mument, matul dawn il-ġimgħat u xhur li ġejjin.

Ser naraw matul il-ġimgħat li ġejjin dwar il-ħtieġa ta’ sigurtà huwa u jkun trasferit il-gass mit-tankers ġejjin u sejrin għal ġot-tanker stazzjonarju. Jekk hux veru li għal ċertu ħin il-port ikun jeħtieġlu illi jkun magħluq u kif dan (jekk minnu) ser jeffettwa l-operat tal Freeport u tas-sajjieda.

Irridu naraw kemm il-miżuri ta’ sigurtà fl-operazzjoni tal-power station huma f’posthom u xi drills ser ikunu meħtieġa (inkluż il-frekwenza tagħhom) biex ikun assigurat illi l-popolazzjoni residenzjali fil-viċinanzi tkun imħejjija għal kull eventwalità, anke jekk remota.

Wara l-inċidenti ta’ tmiem il-ġimgħa fil-ħruq tan-nar tal-festa ta’ Marsaxlokk bla dubju jridu jittieħdu prewkazzjonijiet ħafna iktar biex ikun assigurat li dawn it-tip ta’ inċidenti, jekk iseħħu, jinżammu l-bogħod kemm jista’ jkun mill-power station ta’ Delimara u l-ħażna tal-gass.

Dan kollu dwaru hemm l-obbligu li jkun hemm konsultazzjoni pubblika mar-residenti effettwati, dawk ta’ Marsaxlokk prinċipalment, imma probabbilment ukoll dawk ta’ Birżebbuġa.

L-operazzjoni tal-power station bil-gass bla dubju ser tnaqqas it-tniġġż tal-arja u b’mod ġenerali ittejjeb l-impatti ambjentali. Il-kostruzzjoni tal-pipe tal-gass eventwalment tnaqqas u tbiegħed il-perikli. Imma sa ma jasal dak il-jum, il-possibiltà tal-perikli, anke jekk remoti xorta qegħda wara l-bieb tagħna.

Lil hinn mill-partiġġjaniżmu politiku għandna l-obbligu li nassiguraw li l-affarijiet isiru sewwa. Biex dan isir għandna l-obbligu li neżaminaw kull pass li jsir. Għax b’hekk biss kulħadd joqgħod attent li jagħmel xogħolu sewwa.

ippubblikat fuq iNews : it-Tlieta 2 t’Awwissu 2016

Il-gass għal Delimara: bil-vapur jew bil-pipeline?

laying the pipeline

 

X’ifisser id-dewmien fil-proġett tal-Gvern biex il-produzzjoni tal-elettriku taqbleb għall-gass?

Qed jissemmew ħafna raġunijiet. Fosthom il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija Gasol plc, l-kumpanija barranija ewlenija li tifforma parti mill-Electrogas Malta Consortium inkarigat mill-proċess. L-Electrogas Malta Consortium huwa magħmul misSiemens Project Ventures GMBH (20%), SOCAR Trading SA (20%), Gasol plc (30%) u GEM Holdings Ltd (30%).

Qed jissemma ukoll li hemm kunflitt bejn l-obbligi li daħal għalihom il-Gvern ma dan il-Consortium u s-Shanghai Electric Power.

Minn diversi indikazzjonijiet jidher li l-Gvern ta’ Joseph Muscat beda juri interess partikolari fil-pipeline tal-gass minn Sqallija. Fil-fatt ilu ftit ma jissemma t-tanker tal-gass, kemm ġewwa l-port kif ukoll barra mill-port. Xi zmien ilu kienu qalulna li qed isir l-studju marittimu konness mal-proġett. S’issa ma nafx jekk hux konkluż, inkella jekk dan waqafx meta beda jidher ċar li l-problemi konnessi mal-wasla tal-gass bil-vapuri huma enormi.

Jekk dan hu l-każ ikun ifisser li qed isir il-progress u li d-diskussjoni pubblika qed tħalli l-frott, avolja wara ħafna żmien. Ikun għaqli kieku l-Gvern ikollu l-kuraġġ li jagħti l-informazzjoni vera ta’ x’qiegħed jiġri. Għax jekk il-Gvern ta’ Joseph Muscat hu kapaċi jirrealizza li kien żbaljat dwar it-tanker tal-gass fil-Port ta’ Marsaxlokk tkun rebħet ir-raġuni.

Igawdi l-pajjiż kollu u jitnaqqas drastikament il-periklu għall-komunitajiet ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa.

Mhux dgħjufija li tagħraf li kont żbaljat.