Il-gass għal Delimara: bil-vapur jew bil-pipeline?

laying the pipeline

 

X’ifisser id-dewmien fil-proġett tal-Gvern biex il-produzzjoni tal-elettriku taqbleb għall-gass?

Qed jissemmew ħafna raġunijiet. Fosthom il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija Gasol plc, l-kumpanija barranija ewlenija li tifforma parti mill-Electrogas Malta Consortium inkarigat mill-proċess. L-Electrogas Malta Consortium huwa magħmul misSiemens Project Ventures GMBH (20%), SOCAR Trading SA (20%), Gasol plc (30%) u GEM Holdings Ltd (30%).

Qed jissemma ukoll li hemm kunflitt bejn l-obbligi li daħal għalihom il-Gvern ma dan il-Consortium u s-Shanghai Electric Power.

Minn diversi indikazzjonijiet jidher li l-Gvern ta’ Joseph Muscat beda juri interess partikolari fil-pipeline tal-gass minn Sqallija. Fil-fatt ilu ftit ma jissemma t-tanker tal-gass, kemm ġewwa l-port kif ukoll barra mill-port. Xi zmien ilu kienu qalulna li qed isir l-studju marittimu konness mal-proġett. S’issa ma nafx jekk hux konkluż, inkella jekk dan waqafx meta beda jidher ċar li l-problemi konnessi mal-wasla tal-gass bil-vapuri huma enormi.

Jekk dan hu l-każ ikun ifisser li qed isir il-progress u li d-diskussjoni pubblika qed tħalli l-frott, avolja wara ħafna żmien. Ikun għaqli kieku l-Gvern ikollu l-kuraġġ li jagħti l-informazzjoni vera ta’ x’qiegħed jiġri. Għax jekk il-Gvern ta’ Joseph Muscat hu kapaċi jirrealizza li kien żbaljat dwar it-tanker tal-gass fil-Port ta’ Marsaxlokk tkun rebħet ir-raġuni.

Igawdi l-pajjiż kollu u jitnaqqas drastikament il-periklu għall-komunitajiet ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa.

Mhux dgħjufija li tagħraf li kont żbaljat.

 

Il-Gass ġo Delimara: x’inhu jiġri?

gasol

 

Ġie jew ma ġiex iffirmat il-kuntratt biex jibda x-xogħol għall-power station f’Delimara li ser taħdem bil-gass?

Is-skiet tal-Gvern jindika li mhux kollox miexi kif mixtieq jew ippjanat.

Online hemm informazzjoni dwar waħda mill-kumpaniji li jiffurmaw parti mill-konsorzju li rebaħ is-sejħa għall-offerti : Gasol plc.

L-Electrogas Malta Consortium huwa magħmul mis-Siemens Project Ventures GMBH (20%), SOCAR Trading SA (20%), Gasol plc (30%) u GEM Holdings Ltd (30%).

Il-Malta Today nhar l-14 ta’ Mejju 2014 kienet irrappurtat illi l-Gasol plc kienet diġa ħadet f’isimha parti mill-ishma tas-sussidjarja tal-Korporazzjoni Enemalta, Malta Power and Gas Limited, liema sussidjara hu mistenni li tibni u tmexxi l-impjant li ser jaħdem bil-gass f’Delimara.

Imma issa ninsabu nfurmati li l-Gasol plc tinsab f’diffikultajiet, u li l-ishma tal-Gasol plc ħadu tisbita ta’ 56% fil-valur.

Dawn huma affarijiet serji ħafna għax jirriflettu fuq is-saħħa finanzjarja ta’ sieħeb ewlieni tal-konsortium. Xi ħadd għandu l-obbligu li jispjega x’inhu jiġri.