Ir-riskji tat-tanker tal-gass

Delimara floating gas stirage terminal

Ilna iktar minn tliet snin nargumentaw fuq il-ħażna tal-gass għall-power station ġdida li kienet issue ċentrali fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

Qabel l-elezzjoni l-ħażna kienet proposta li issir fuq l-art. Wara l-elezzjoni nbidlu l-pjani u saret il-proposta għall-ħażna fuq il-baħar.

Tajjeb li niftakru li fi tmiem is-snin 90 kien hemm diskussjonijiet dettaljati mat-Taljani tal-AGIP dwar il-kostruzzjoni ta’ pipeline tal-gass bejn Gela fi Sqallija u Marsaxlokk. Il-ftehim ma twettaqx għax kieku ilna 20 sena bil-gass u t-tanker ma kienx ikun hemm bżonnu.

Il-Gvern ħabbar xi xhur ilu li t-tanker tal-gass sorġut fil-Port ta’ Marsaxlokk ser ikun qiegħed hemm temporanjament sakemm ikunu iffinalizzati l-proċeduri kollha neċessarji biex isir il-pipeline tal-gass.

Meta kien hemm id-diskussjoni dwar il-power station il-ġdida quddiem il-Bord tal-MEPA xi sentejn ilu konna iddiskutejna f’ċerta dettall id-diffikultajiet li konna qed nantiċipaw dwar dan it-tanker tal-gass. Dawn essenzjalment kienu tnejn. L-ewwel l-impatt tal-maltemp fuq it-tanker innifsu kif ukoll fuq il-vapuri  fil-viċinanzi, prinċipalment dawk fil-Port  Ħieles imma ukoll l-impatt fuq is-sajjieda. It-tieni dwar il-miżuri ta’ sigurtá biex ikunu evitati inċidenti u f’kaz li dawn xorta jseħħu jkunu minimizzati l-konsegwenzi.

Fil-ġranet li ġejjin ser ikunu ippubblikati r-rapporti li saru u terġa tiftaħ beraħ id-diskussjoni.

Naħseb li kulħadd jieħu pjaċir kieku dawn il-problemi jissolvew.

L-istandards ta’ sigurtá fl-industrija tal-gass ifissru li dwar issues ta’ sigurtá u periklu, r-riskju possibilment ikun minimizzat kif kienu rrappurtaw l-esperti George Papadakis u Roberto Vaccari, kwazi tlett snin ilu. Hemm ukoll il-materja tas-sigurtá marittima li għad irridu naraw x’miżuri effettivi ser jittieħdu. Għax s’issa ftit huwa magħruf sakemm naraw ir-rapporti u naqrawhom sew.

Ir-riskji ħadd ma hu ser jeliminhom. Bla dubju hemm kull interess li dawn jonqsu l-iktar possibli. Imma kemm fil-fatt jonqsu  għad irridu naraw. Kif wara kollox irridu naraw min ser iħallas il-prezz. U l-prezz, tajjeb li niftakru, ma jitħallasx biss bl-euro.

ippubblikat fuq iNews : 17 t’Ottubru 2016

Iċ-Ċiklun ta’ nhar il-ġimgħa, u l-Power Station ta’ Delimara

cyclone 071114

Iċ-ċiklun ta’ nhar il-ġimgħa ma kienx xi ħaġa li naraw ta’ spiss. Kienet okkazjoni oħra fejn in-natura għal darba oħra wriet il-qilla tagħha. Kaxkret dak kollu li sabet quddiema.

Rajna diversi siġar imqaċċtin. Baħar imqalleb. Ħsarat f’bosta lokalitajiet fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Xita qliel li f’xi lokalitajiet laħħqet mal-50 mm fi ftit ħin.

Fil-Port Ħieles din id-darba ma kien hemm l-ebda rapport li xi vapur inqala’ minn mal-moll. Min- naħa l-oħra taħt l-effett tar-rih numru ta’ containers waqgħu minn posthom.

Wara l-maltempata tal-Ħadd 5 t’Ottubru 2014 din kienet it-tieni maltempata qalila fi kważi xahar. Donnu li anke f’Malta dak li għat-temp kien xi ħaġa rari, issa ser isir komuni. Il-maltemp, x-xita intensiva, u r-riħ qawwi, flimkien ħolqu problemi kbar. Jekk ma nieħdux ħsieb jistgħu joħolqu problemi ikbar.

Din iż-żieda fil-frekwenza tal-maltemp ser jibqa’ magħna u dan bħala konsegwenza tal-bdil fil-klima li qed taċċellera ruħha. Dan jitfa iktar dawl dwar kemm l-istudju biex ikejjel ir-riskju marittmu fil-Bajja ta’ Marsaxlokk fuq l-elementi diversi tal-Power Station tal-gass proġettata f’Delimara hu meħtieġ. Mhux biss. Huwa importanti ukoll li meta jsir nagħtu kasu.

Il-gass għal Delimara: bil-vapur jew bil-pipeline?

laying the pipeline

 

X’ifisser id-dewmien fil-proġett tal-Gvern biex il-produzzjoni tal-elettriku taqbleb għall-gass?

Qed jissemmew ħafna raġunijiet. Fosthom il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija Gasol plc, l-kumpanija barranija ewlenija li tifforma parti mill-Electrogas Malta Consortium inkarigat mill-proċess. L-Electrogas Malta Consortium huwa magħmul misSiemens Project Ventures GMBH (20%), SOCAR Trading SA (20%), Gasol plc (30%) u GEM Holdings Ltd (30%).

Qed jissemma ukoll li hemm kunflitt bejn l-obbligi li daħal għalihom il-Gvern ma dan il-Consortium u s-Shanghai Electric Power.

Minn diversi indikazzjonijiet jidher li l-Gvern ta’ Joseph Muscat beda juri interess partikolari fil-pipeline tal-gass minn Sqallija. Fil-fatt ilu ftit ma jissemma t-tanker tal-gass, kemm ġewwa l-port kif ukoll barra mill-port. Xi zmien ilu kienu qalulna li qed isir l-studju marittimu konness mal-proġett. S’issa ma nafx jekk hux konkluż, inkella jekk dan waqafx meta beda jidher ċar li l-problemi konnessi mal-wasla tal-gass bil-vapuri huma enormi.

Jekk dan hu l-każ ikun ifisser li qed isir il-progress u li d-diskussjoni pubblika qed tħalli l-frott, avolja wara ħafna żmien. Ikun għaqli kieku l-Gvern ikollu l-kuraġġ li jagħti l-informazzjoni vera ta’ x’qiegħed jiġri. Għax jekk il-Gvern ta’ Joseph Muscat hu kapaċi jirrealizza li kien żbaljat dwar it-tanker tal-gass fil-Port ta’ Marsaxlokk tkun rebħet ir-raġuni.

Igawdi l-pajjiż kollu u jitnaqqas drastikament il-periklu għall-komunitajiet ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa.

Mhux dgħjufija li tagħraf li kont żbaljat.

 

Joseph Muscat jikkonferma dak li ilna nafu

Joseph Muscat - imhasseb

 

Joseph Muscat iktar kmieni illum ikkonferma li l-Power Station tal-gass f’Delimara mhux ser tibda topera sa Marzu 2015.

Ma qalilna xejn ġdid. Ilna nafu.

Qabel l-elezzjoni tal-2013 Alternattiva Demokratika spjegat diversi drabi kif il-proposta ta’ power station bil-gass ma setgħetx titwettaq f’sentejn. Konna għidna li kien jeħtieġ bejn tlett snin u ħames snin, dejjem jekk isiru l-istudji kollha li huma neċessarji.

L-istudji kollha kif tafu ma sarux, minkejja li l-kelliema diversi tal-Partit Laburista qalulna diversi drabi qabel l-elezzjoni ġenerali li diġa kienu studjaw fid-dettall u bir-reqqa l-proposta. Kienu ġiebulna ukoll kumpanija barranija li ċċertikifkat li kollox sar sewwa.

L-ikbar ċertifikat iżda, tah iż-żmien. Mhux biss għax qegħdin 18-il xahar lura. Imma ukoll għax issa anke’ in-natura qed twissihom.

Il-maltempata ta’ nhar il-Ħadd 5 t’Ottubru hi waħda mis-sinjali l-iktar ċari li l-proċess kollu konness mal-power station tal-gass kien wieħed tad-dilettanti. L-istudju prinċipali nieqes hu dak marittimu (maritime risk assessment). Li kieku sar dan l-istudju kienu jkunu f’posizzjoni li jifhmu dak li hu ovvju: li l-qilla tal-baħar m’hu ser iżommha ħadd b’mod faċli.

Hemm bżonn li jittieħdu diversi miżuri u anke’ dwar dawn qegħdin tard ħafna. Xi darba forsi jirrealizzaw.

Il-MEPA………….għaġġelija

kittens

 

Il-laqgħa tal-bieraħ li fiha l-Bord tal-MEPA approva l-applikazzjoni tal-Enemalta għall-ġenerazzjoni tal-elettriku bil-gass b’9 voti kontra 2 kienet waħda ġeneralment ċivili. Anke meta kien hemm xi interruzzjonijiet, ma kien hemm xejn gravi.

Ħadd ma argumenta kontra l-użu tal-gass. L-uġiegħ ta’ ras hi l-ħażna tal-gass: jekk din għandhiex tkun ġol-port jew barra mill-port.

L-istudju dwar ir-riskji marittimi għadu ma sarx. Meta jsir inkunu nafu ftit aħjar dak li ser inħabbtu wiċċna miegħu. Hemm mumenti meta l-ebda vapur m’hu safe fil-port. X’ser jiġri f’dawn il-mumenti?

Diversi sajjieda qalulna li l-qawwa tal-baħar tista’ tkun waħda sostanzjali. Ħaġa li nistgħu naraw b’għajnejna meta l-elementi jkunu fl-aqwa tagħhom.

Il-breakwater fid-daħla tal-Port ta’ Marsaxlokk ġie diżinjat mit-team Ċiniż f’Kalafrana. Id-diżinn hu ibbażat fuq osservazzjonijiet u studji dwar il-mewġ. A bażi ta’ standards internazzjonali u studji u testijiet fuq mudelli kien konkluż diżinn li jilqa’ għal mewġ ta’ 8.50 metri. Il-breakwater inbena fil-bidu tas-snin tmenin, tletin sena ilu. Matul dawn it-tletin sena qeda lill-pajjiż u lill-Port Ħieles.

Imma issa t-temp beda jinbidel, bil-mod. Fil-waqt li mewġ għola minn 8.50 metri sa ftit snin ilu kien xi ħaġa rari, issa beda jżid ftit fil-frekwenza. Dan ifisser li qed joqrob iż-żmien meta l-breakwater m’hux ser joffri protezzjoni biżżejjed la lill-Port Ħieles u l-anqas lill-Oil Tanking. Dak li kien rari, jista’ jsir iktar frekwenti. Il-konsegwenzi jistgħu jkunu gravi. Iżidu r-riskju ta’ inċident fil-Port ta’ Marsaxlokk.

Studju dwar ir-riskji marittimi kien jeżamina dan u iktar u kien ikun ta’ għajnuna ikbar biex il-Bord tal-MEPA jiżen sewwa r-riskji.   Dan l-istudju il-MEPA m’għamltux minkejja li fit-terms of reference dwar l-istudju ambjentali kienet hi stess li insistiet li l-istudju dwar ir-riskji għall-impjant tal-gass kellu jkun wieħed dettaljat.

Imma l-MEPA kienet mgħaġġla. Bħall-qattusa tal-proverbju.

ippubblikat fuq iNews: it-Tlieta 25 t’Ottubru 2014