
Qed joqrob il-jum li fih it-tanker għall-ħażna tal-gass tal-power station jidħol u jitqiegħed fil-Port ta’ Marsaxlokk. Qed jgħidulna li dan ser ikun temporanju, jiġifieri għal ftit taż-żmien, sakemm jitlestew l-istudji dwar il-pipline tal-gass bejn Sqallija u Malta. Ovvjament trid iżżid ukoll iż-żmien biex il-pipeline jitqieghed f’qiegħ il-baħar inkluż ukoll il-perjodu tal-finanzjament, tendering u commissioning. Mhux xahar u tnejn.
Kemm ser ikun twil dan il-perjodu temporanju? Jiddependi mix-xogħol li sar diġà. Peró ma neħodiex bi kbira jekk dan iż-żmien ikun bejn 5 u 8 snin.
Sadanittant hemm il-ħtieġa li jkun ikkunsidrat il-permess operattiv tal-power station taħdem bil-gass f’Delimara. Dan il-permess ikun irid jissodisfa tlett tipi ta’ direttivi/regolamenti. Dawk dwar l-impjanti industrijali, dawk dwar l-impatti ambjentali (IPPC – Integrated Pollution Prevention and Control) u dawk dwar il-ħarsien minn inċidenti industrijali u l-impatti kemm ambjentali kif ukoll dawk ta’ protezzjoni ċivili (Direttivi ta’ Seveso).
Dan kollu jkun ikkunsidrat mill-Awtorità tal-Ambjent u Riżorsi flimkien ma’ awtoritajiet oħra, prinċipalment id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Awtorità għall-Ħarsien tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol. Imma ser ikun hemm ukoll bla dubju ħtieġa ta’ eżami sewwa ta’ issues ta’ navigazzjoni minn Trasport Malta minħabba kemm it-tanker stazzjonarju (marbut mal-moll) fil-bajja ta’ Marsaxlokk kif ukoll minħabba li madwar 8 darbiet fis-sena ser jidħlu tankers bil-ħtiġijiet tal-gass skond kemm tkun qed tikkonsma gass il-Power Station ta’ Delimara.
Dawn huma kollha affarijiet li ġew diskussi f’ċerta dettall madwar sentejn ilu meta kien qed ikun diskuss il-permess ta’ żvilupp quddiem il-MEPA. Dakinnhar kien intqal li dawn kollha kienu affarijiet li riedu jkunu deċiżi iktar tard. Preċiżament issa hu dak il-mument, matul dawn il-ġimgħat u xhur li ġejjin.
Ser naraw matul il-ġimgħat li ġejjin dwar il-ħtieġa ta’ sigurtà huwa u jkun trasferit il-gass mit-tankers ġejjin u sejrin għal ġot-tanker stazzjonarju. Jekk hux veru li għal ċertu ħin il-port ikun jeħtieġlu illi jkun magħluq u kif dan (jekk minnu) ser jeffettwa l-operat tal Freeport u tas-sajjieda.
Irridu naraw kemm il-miżuri ta’ sigurtà fl-operazzjoni tal-power station huma f’posthom u xi drills ser ikunu meħtieġa (inkluż il-frekwenza tagħhom) biex ikun assigurat illi l-popolazzjoni residenzjali fil-viċinanzi tkun imħejjija għal kull eventwalità, anke jekk remota.
Wara l-inċidenti ta’ tmiem il-ġimgħa fil-ħruq tan-nar tal-festa ta’ Marsaxlokk bla dubju jridu jittieħdu prewkazzjonijiet ħafna iktar biex ikun assigurat li dawn it-tip ta’ inċidenti, jekk iseħħu, jinżammu l-bogħod kemm jista’ jkun mill-power station ta’ Delimara u l-ħażna tal-gass.
Dan kollu dwaru hemm l-obbligu li jkun hemm konsultazzjoni pubblika mar-residenti effettwati, dawk ta’ Marsaxlokk prinċipalment, imma probabbilment ukoll dawk ta’ Birżebbuġa.
L-operazzjoni tal-power station bil-gass bla dubju ser tnaqqas it-tniġġż tal-arja u b’mod ġenerali ittejjeb l-impatti ambjentali. Il-kostruzzjoni tal-pipe tal-gass eventwalment tnaqqas u tbiegħed il-perikli. Imma sa ma jasal dak il-jum, il-possibiltà tal-perikli, anke jekk remoti xorta qegħda wara l-bieb tagħna.
Lil hinn mill-partiġġjaniżmu politiku għandna l-obbligu li nassiguraw li l-affarijiet isiru sewwa. Biex dan isir għandna l-obbligu li neżaminaw kull pass li jsir. Għax b’hekk biss kulħadd joqgħod attent li jagħmel xogħolu sewwa.
ippubblikat fuq iNews : it-Tlieta 2 t’Awwissu 2016