Ir-riskji tat-tanker tal-gass

Delimara floating gas stirage terminal

Ilna iktar minn tliet snin nargumentaw fuq il-ħażna tal-gass għall-power station ġdida li kienet issue ċentrali fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

Qabel l-elezzjoni l-ħażna kienet proposta li issir fuq l-art. Wara l-elezzjoni nbidlu l-pjani u saret il-proposta għall-ħażna fuq il-baħar.

Tajjeb li niftakru li fi tmiem is-snin 90 kien hemm diskussjonijiet dettaljati mat-Taljani tal-AGIP dwar il-kostruzzjoni ta’ pipeline tal-gass bejn Gela fi Sqallija u Marsaxlokk. Il-ftehim ma twettaqx għax kieku ilna 20 sena bil-gass u t-tanker ma kienx ikun hemm bżonnu.

Il-Gvern ħabbar xi xhur ilu li t-tanker tal-gass sorġut fil-Port ta’ Marsaxlokk ser ikun qiegħed hemm temporanjament sakemm ikunu iffinalizzati l-proċeduri kollha neċessarji biex isir il-pipeline tal-gass.

Meta kien hemm id-diskussjoni dwar il-power station il-ġdida quddiem il-Bord tal-MEPA xi sentejn ilu konna iddiskutejna f’ċerta dettall id-diffikultajiet li konna qed nantiċipaw dwar dan it-tanker tal-gass. Dawn essenzjalment kienu tnejn. L-ewwel l-impatt tal-maltemp fuq it-tanker innifsu kif ukoll fuq il-vapuri  fil-viċinanzi, prinċipalment dawk fil-Port  Ħieles imma ukoll l-impatt fuq is-sajjieda. It-tieni dwar il-miżuri ta’ sigurtá biex ikunu evitati inċidenti u f’kaz li dawn xorta jseħħu jkunu minimizzati l-konsegwenzi.

Fil-ġranet li ġejjin ser ikunu ippubblikati r-rapporti li saru u terġa tiftaħ beraħ id-diskussjoni.

Naħseb li kulħadd jieħu pjaċir kieku dawn il-problemi jissolvew.

L-istandards ta’ sigurtá fl-industrija tal-gass ifissru li dwar issues ta’ sigurtá u periklu, r-riskju possibilment ikun minimizzat kif kienu rrappurtaw l-esperti George Papadakis u Roberto Vaccari, kwazi tlett snin ilu. Hemm ukoll il-materja tas-sigurtá marittima li għad irridu naraw x’miżuri effettivi ser jittieħdu. Għax s’issa ftit huwa magħruf sakemm naraw ir-rapporti u naqrawhom sew.

Ir-riskji ħadd ma hu ser jeliminhom. Bla dubju hemm kull interess li dawn jonqsu l-iktar possibli. Imma kemm fil-fatt jonqsu  għad irridu naraw. Kif wara kollox irridu naraw min ser iħallas il-prezz. U l-prezz, tajjeb li niftakru, ma jitħallasx biss bl-euro.

ippubblikat fuq iNews : 17 t’Ottubru 2016

Advertisements

Ħtieġa ta’ kalma u attenzjoni

 Gas Cloud Freeport Fairway

Madwar il-Bajja ta’ Marsaxlokk diġa hemm attivita’ diversa li hi ta’ riskju.

Matul din l-aħħar sena għadu kif għalaq l-impjant tal-gass tal-Enemalta fil-Qajjenza. Impjant li kien imdawwar b’residenzi għal snin twal. L-impjant ingħalaq u sar wieħed ġdid f’Bengħajsa u dan wara snin kbar ta’ ilmenti.

Ġo nofs Birżebbuġa hemm l-impjant tal-fuel tal-Enemalta. Ilu hemm snin kbar. Imdawwar bir-residenzi. L-Enemalta ilha s-snin tħabbel rasha biex tagħlaq dan l-impjant. Imma s’issa għadu hemm qalb in-nies.

Hemm ukoll il-ħażna tal-fuel f’San Luċjan bejn Birżebbuġa u Marsaxlokk w il-ħażna taż-żjut fil-kumpless tal-Freeport, l-Oil Tanking.

Dawn ir-riskji diġa qegħdin hawn u dan flimkien mal-ħażna tal-fuel (HFO u gasoil) presentement użat mill-Enemalta f’Delimara.

L-istudji li diġa saru dwar l-impjant tal-gass f’Delimara jinkludu studju minn Roberto Vaccari li għalkemm huwa studju preliminari diġa juri numru ta’ diffikultajiet u riskji ġodda li l-ħażna tal-gass tista’ toħloq. Riskji li meta tieħu in konsiderazzjoni r-riskji li diġa hawn fil-Bajja ta’ Marsaxlokk ikomplu jagħmlu is-sitwazzjoni agħar milli diġa hi.

Huma riskji li pajjiżi oħra sabu tarf tagħhom billi madwar is-sors ta’ riskji joħolqu żona li fiha l-aċċess ikun wieħed limitat u ikkontrollat. Il-ħolqien ta’ żona bħal din issolvi l-problema: ma teliminax ir-riskju imma tnaqqas sostanzjalment l-impatt tiegħu.

Id-diffikulta f’Delimara hi li l-ispazju li hemm hu limitat u ma jidhirx li hu possibli li tinħoloq din iż-żona b’aċċess  limitat u kkontrollat. Għalhekk il-proposta tal-ħażna tal-gass hi waħda problematika.

Li l-Gvern jgħid illi ser jagħmel iktar studji biex jipprova jsib tarf tal-problema hu pass tajjeb.  Irridu nħarsu iktar fil-fond mhux biss lejn l-impjant propost f’Delimara, imma ukoll lejn l-impatt fuq is-sajjieda, fuq il-komunitajiet ta’ Marsaxlokk u Birżebbuga kif ukoll fuq il-Port Ħieles.

Ir-riskju li jkun hemm inċident hu wieħed żgħir u rari. Imma l-konsegwenzi jekk iseħħ l-inċident ikunu kbar ħafna. Għalhekk jeħtieg li nimxu b’kalma u b’attenzjoni kbira.

ippubblikat fuq iNews : it-Tlieta 25 ta’ Frar 2014

Better safe than sorry

Delimara floating gas stirage terminal

Its been twelve months since Alternattiva Demokratika – The Green Party pointed out that safety and risk assessment will be the sticking point for the liquid natural gas (LNG) driven power station at Delimara. We were then told  that Labour’s plan had already factored in all issues pertaining to the Seveso Directive.

Well, plans have been changed. What were originally plans to have land based LNG storage facilities have been changed to a floating gas storage facility. The issue of safety has however remained. It was unaddressed then and is still not addressed now.

Other countries have taken the matter quite seriously. In Livorno, for example,  as a result of proper risk assessment studies a floating gas storage facility of a size comparable to that being considered for Delimara was sited 22.5 kilometres from the coastline. In addition a security area of an 8 kilometre radius was established. This security area which is under strict control to ensure that no unauthorised access occurs serves the purpose of reducing and containing the damage caused by a possible incident.

published in The Times of Malta, Saturday February 22, 2014

No such security areas have been established in the Delimara proposal such that whilst the probability of an incident has been identified as 1 in 10,000 years its impacts on the residential community as well on economic facilities could be devastating if such an accident occurs.

A thorough reading of the risk assessment study carried out by Roberto Vaccari and forming part of the Environment Impact Assessment for the Delimara LNG driven power station clearly identifies serious risks. Whilst Vaccari defines his study as being of a preliminary nature his conclusions, however, are clear enough pointers that the apprehension of 91% of the local population documented in the Delimara project Social Impact Assessment is more than justified.

Roberto Vaccari, for example, concludes on the possibility of an incident as a result of which a cloud of gas accumulates in the area in front of the Freeport Terminal, the fairway,  precisely where ships manoeuvre prior to their berthing to unload their shipment of containers. Just this possibility, on its own, should have been sufficient to lead to the conclusion that the proposed solution for the generation of electricity through the use of gas stored on a ship is a serious threat to the secure operation of the Freeport Terminal.

Roberto Vaccari justifiably points out that Marsaxlokk Bay, very close to the residential communities of Birżebbuġa and Marsaxlokk,  already harbours most of the Maltese sites subject to Major Hazard Regulatory control under the provisions if the EU Seveso Directive. The Delimara Power Station itself, the Birżebbuġa fuel storage depot, Oil Tanking facilities, the Wied Dalam installation, the Mediterranean Offshore Bunkering and the San Lucian facilities as well as the recent addition of the Gasco facilities at Bengħajsa are too close for comfort. Roberto Vaccari points out to the domino effect potential which could be triggered on each of these sites by an LNG incident at Delimara.

The mooring of the floating gas storage unit along the Delimara coast also gives rise to a serious conflict with existing uses in Marsaxlokk Bay. It conflicts with the operational requirements of the Freeport Terminal situated at the entrance to the Bay. The conflicts are of a navigational nature as the area currently utilised by container vessels to manoeuvre until they berth, the fairway, overlaps with the navigational requirements of the floating gas storage unit in particular during refuelling. It is known that container vessels at the Freeport Terminal do require tugboat assistance particularly when strong North-Easterly winds are prevalent. The navigational requirements in such circumstances for an increased activity require much more space (and tugboats) than is available in Marsaxlokk Bay. As far as is known this has not yet been considered.

Both the authorities as well as the EIA have also been particularly silent on the impacts which the floating gas storage unit will have on the fishing community in Marsaxlokk. It is unofficially known that plans are in hand to severely curtail all maritime movements within Marsaxlokk Bay during refuelling of the floating gas storage unit. The refuelling process which may take up to 48 hours  ten times annually will be a severe handicap not just on the operations of the Freeport Terminal but it may also deal a fatal blow to the livelihood of the fishing community at Marsaxlokk.

All of the above should have led to the conclusion that the unloading and storage of LNG at Marsaxlokk Port is an unnecessary source of danger to both residents and the country’s economy.

Malta is still in time to seriously explore other options. Ignoring political pique the only practical solution is to utilise a gas pipeline which a PN led Government had unfortunately refused when offered by Italy in 1999.

What is sure is that safety is priceless. It is better to be safe than sorry.

Aħjar uff inkella aħħ

Gas Cloud Freeport Fairway

Bħal daż-żmien sena, waqt il-kampanja elettorali, Alternattiva Demokratika kienet ċara ħafna dwar il-proposta tal-Partit Laburista li jgħaddi biex jipproduċi l-elettriku bl-użu tal-gass. Għidna li l-kwalita’ tal-arja ser titjieb sostanzjalment kif ukoll li tista’ traħħas il-kontijiet tal-elettriku u l-ilma.

Imma għidna ukoll anke tnax-il xahar ilu illi ma kienx ċar x’kien qed jiġi propost dwar ir-riskji li l-ħażna ta’ kwantita’ kbira ta’ gass daqshekk qrib kemm tal-power station innifisha kif ukoll viċin l-abitat u viċin ħafna ta’ operazzjonijiet marittimi.

Alternattiva Demokratika rat l-istudju dwar l-impatti ambjentali (EIA) u in partikolari l-istudju ta’ Roberto Vaccari dwar l-analiżi tar-riskji  liema studju jifforma parti integrali mill-imsemmi EIA.

L-istudju dwar ir-riskji huwa inkonklużiv minħabba illi fil-waqt li jagħmel analiżi ma jwassalx din l-analiżi għal konklużjoni loġika tagħha, in partikolari kif b’mod prattiku l-impjant li jiġġenera l-elettriku bil-gass għandu impatt fuq l-attivitajiet l-oħra li presentement hemm fil-Port ta’ Marsaxlokk.

Vaccari per eżempju jikkonkludi dwar il-possibilita’ ta’ inċident li bħala riżultat tiegħu joħroġ kwantita’ kbira ta’ gass illi s-sħaba (ta’ gass) riżultanti  takkumula fl-area quddiem il-Port Ħieles u preċiżament fil-fairway, l-area fejn jimmanuvraw il-vapuri qabel ma jidħlu jħottu t-tagħbija tal-containers. (ara pjanta hawn fuq) Din biss kellha twassal għal konklużjoni li s-soluzzjoni proposta għall-impjant tal-enerġija li jaħdem bil-ġass  maħżun fuq vapur hi theddida kbira għas-sigurta’ tal-operazzjoni tal-Port Ħieles.

Pajjiżi oħra joħolqu żona ta’ sigurta madwar l-impjant b’mod illi jiżolaw il-possibilita’ ta’ periklu u ma jħalluħx jinfirex. B’hekk inaqqsu l-impatt fuq il-ħajja tan-nies u fuq il-propjeta’ u jimminimizzaw il-ħsara ekonomika li tista’ tirriżulta. Hekk għamel per eżempju l-Gvern Reġjonali tat-Toscana barra l-Port ta’ Livorno meta stabilixxa żona ta’ sigurta f’distanza ta’ tmien kilometri madwar il-ħażna tal-gass fuq vapur li ġie ankrat 22.5 kilomteri l-barra mill-kosta.

Bl-iskuża li r-rapport tal-analiżi tar-riskju hu wieħed preliminari r-rapport ta’ Vaccari ma jagħmel xejn minn dan. Filwaqt li jsemmi l-possibilita ta’ impatt fuq stallazzjonijiet oħra fil-port ta’ Marsaxlokk (domino effect) la Vaccari u l-anqas l-EIA ma janalizzax kif  dan jista’ jseħħ.

Filwaqt li hu magħruf illi l-movimenti maritiimi fil-Port ta’ Marsaxlokk ikollhom jonqsu drastikament, inkluż il-movimenti mis-sajjieda l-EIA hu sieket dwar dan.

Dan kollu kellu jwassal  għal rakkomandazzjoni li s-soluzzjoni tal-ħatt u ħażna tal-gass fil-Port ta’ Marsaxlokk huma ta’ periklu kemm għar-residenti kif ukoll għall-ekonomija tal-pajjiż.

Pajjiżna għadu fil-ħin biex jimxi lejn soluzzjonijiet oħra. Lil hinn mill-piki politiċi l-unika soluzzjoni prattika hi dik ta’ pipeline li dwaru l-Gvern kien sfortunatament irrifjuta offerta mill-Italja fl-1999.

Li hu żgur hu li ħajjet in-nies hi imprezzabbli.

Aħjar uff inkella aħħ.

Bomba tal-ħin f’Delimara

bomb
Il-proposta ta’ Power Station f’Delimara li taħdem bil-gass flok bil-Heavy Fuel Oil ser twassal għal titjib fil-kwalita’ tal-arja f’Marsaxlokk, Birżebbuga u l-inħawi tal-madwar. Imma huwa ukoll ċar li l-preokkupazzjoni tar-residenti kif espressa fl-istudju dwar l-impatti soċjali għadha m’hiex qed tiġi indirizzata b’mod adegwat. L-istudju dwar ir-riskji mill-gass maħzun fil-Bajja ta’ Marsaxlokk m’huwiex wieħed konvinċenti.

Huwa neċessarju, anzi huwa essenzjali, li l-ħażna tal-gass għall-użu tal-Power Station tinħareg il-barra mill-Bajja ta’ Marsaxlokk.

Alternattiva Demokratika hi konxja li s-soluzzjonijiet tekniċi neċessarji jirrikjedu kemm iż-żmien kif ukoll spejjeż addizzjonali sostanzjali. Huwa importanti għaldaqstant li titwarrab l-għaġġla żejda biex ikunu jistgħu jsiru dawk l-istudji addizzjonali li huma neċessarji biex ma jibqa’ l-ebda dubju li r-riskji kollha li għalihom il-komunitajiet ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa ġew esposti jkunu indirizzati b’mod sodisfaċenti.

Alternattiva Demokratika hi konsistenti. Dan il-kliem qalitu diversi drabi, anke waqt il-kampanja elettorali tal-elezzjoni ta’ Marzu 2013 wara li l-Partit Laburista ħareġ bil-proposti tiegħu li, dakinnhar, kienu nieqsa minn informazzjoni essenzjali.

Is-saħħa u is-sigurta tar-residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuga għandhom jiġu qabel kull konsiderazzjoni oħra.

Il-kunsens nazzjonali dwar il-ħtieġa tal-użu tal-gass fil-ġenerazzjoni tal-elettriku għandu jitwettaq f’rispett sħiħ lejn ir-residenti. Jekk dan ma jsirx jista’ jwassal biex fil-Bajja ta’ Marsaxlokk tkun istallata bomba tal-ħin.

Il-gass għal Delimara: nħarsu s-saħħa u s-sigurta tar-residenti

Delimara.gas terminal

Il-ħidma biex il-ġenerazzjoni tal-elettriku ma tibqax bl-użu ta’ żejt li jħammeġ (Heavy Fuel Oil) iżda bil-gass, minn dejjem kienet appoġġjata minn-Alternattiva Demokratika.

Kwalita’ aħjar tal-arja u traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma huma l-konsegwenzi diretti ta’ dan il-pass.

F’dawn il-ġranet għaddejja d-diskussjoni dwar l-istudju fuq l-impatt ambjentali ta’ dan il-proġett. Hemm qbil ġenerali fuq ħafna mill-kontenut ta’ dan l-istudju.

Mill-istudju dwar l-impatt soċjali tal-power station bil-gass iżda, toħroġ b’mod ċar il-preokkupazzjoni tar-residenti ta’ Marsaxlokk għall-ħażna tal-ġass fuq opra tal-baħar speċjalizzata (floating gas storage facility). Huwa stmat li 91% tar-residenti ta’ Marsaxlokk ma jaqblux li l-gass għall-użu tal-power station jinħażen ġol-Bajja ta’ Marsaxlokk.

L-istudju ippreżentat dwar ir-riskju li l-ħażna tal-gass fil-Bajja ta’ Marsaxlokk, biswit il-power station u faċċata r-raħal ta’ Marsaxlokk, ma jikkonvinċi lil ħadd. In-nies m’hiex konvinta illi r-riskju għal saħħithom, għal ħajjithom u għall-propjeta’ tagħhom hu wieħed minimu. Mhux konvinti li r-riskju hu wieħed minimu. Mhux konvinti li r-riskju hu aċċettabbli.

Kien għalhekk f’waqtu dak li qal il-koordinatur tal-EIA li ser isir studju iktar approfondit tar-riskji involuti. Huwa tajjeb li ser isir dan l-istudju addizzjonali imma hu meħtieġ ukoll illi ma jittieħdux deċiżjonijiet mgħaġġla  qabel ma jkun konkluż dan l-istudju.  Għax sakemm ma jkunx konkluż studju konvinċenti, l-anqas temporanjament m’hu aċċettabbli li l-ħażna tal-gass għall-użu tal-power station tkun ġol-Bajja ta’ M’Xlokk.

Waqt il-konsultazzjoni pubblika ta’ nhar it-Tnejn intqal illi l-Enemalta m’għandiex flus għal soluzzjonijiet oħra, li jiswew ferm iktar kif ukoll li jieħdu iktar żmien biex jitwettqu.

Il-ħarsien tas-saħħa u l-ħajja tar-residenti ta’ M’Xlokk u Birżebbuġa kif ukoll is-sigurta’ tagħhom u ta’ ħwejjiġhom huma importanti iktar minn kollox, inkluz mill-flus li jkun meħtieġ illi jintefqu għall-proġett. Nittama biss li qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet ikollna f’idejna l-studju li jgħarbel sewwa r-riskji u dan biex ħadd ma jibqagħlu iktar dubji.

Alternattiva Demokratika ilha żmien tgħid li din hi d-diffikulta unika u reali tal-proġett tal-Power Station f’Delimara li jaħdem bil-gass. Is-saħħa u s-sigurta’ tar-residenti jiġu qabel kollox.

ippubblikata fuq iNews l-Erbgħa 29 ta’ Jannar 2014