Il-futur tal-Air Malta hu imċajpar. Ilna ħafna nafuh dan.
Il-froġa tal-Avro RJ70 nafuha. Qabilha, magħha u warajha kien hemm l-ingaġġ ta’ impjegati bl-addoċċ.
Sakemm il-biljetti tal-linji tal-ajru kienu bil-għoli, dan id-difett kien jinħeba, għax minkejja l-abbuż xorta kien hemm il-qliegħ.
Iżda kollox inġabar meta faqqgħet is-sajjetta tal-linji tal-ajru low cost. Bil-miġja ta’ dawn il-linji tal-ajru l-mudell ekonomiku li fuqha kienet mibnija l-Air Malta ma baqax jagħmel sens.
Konsulenti u esperti kellna kemm trid. L-għajnuna tal-istat ġiet ukoll, imma r-riżultati m’humiex eżattament kif kien mixtieq, almenu s’issa.
Huwa f’dan il-kuntest li jagħmel sens li l-Gvern ifittex u jesplora soluzzjonijiet oħra. Jidher li l-Gvern qiegħed jiddiskuti ma kumpanija tal-ajru Ċiniża dwar dan. X’qed jiddiskuti, s’issa mhux magħruf. Negozjati bħal dawn ma jkunux imperċin fil-pubbliku kif qed jippretendu uħud. Huwa normalissimu fid-dinja kummerċjali li tinżamm kunfidenzjalità stretta u dan minħabba li paroli żejda jistgħu jipperikolaw ftehim.
Id-diffikultà li jiena nara mhux daqstant fin-negozjati infushom daqskemm jekk jagħmilx sens strateġiku li wara li Malta rabtet il-karru tagħha maċ-Ċina fil-qasam tal-enerġija torbtu ukoll fil-qasam tal-linja tal-ajru.
Iċ-Ċina għandha l-interessi ġeostrateġiċi tagħha. Jaqblilha li jkollha saqajha fis-sod fl-Unjoni Ewropeja mhux biss għal raġunijiet kummerċjali, iżda ankè għal raġunijiet politiċi. Trid tnaqqas id-dipendenza tagħha mill-Istati Unit ital-Amerika, fost oħrajn. M’hiex tinvesti f’Malta biss iżda qed iddur l-Unjoni Ewropeja kollha. Imma dawk huma l-interessi taċ-Ċina.
Il-mistoqsija hi jekk Malta jaqblilhiex li tkun tiddependi ż-żejjed miċ-Ċina. Dak li hu fl-interess taċ-Ċina mhux neċessarjament li hu fl-interess ta’ Malta.
Din it-tip ta’ diskussjoni hi nieqsa mid-dibattitu dejjaq u partiġjan li għaddej bħalissa. Għax id-dibattitu partiġjan qed jaħbi l-issues reali li għadna niddiskutu. Bħal dejjem dawn jispiċċaw taħt it-tapit.
Indirettament, u bl-istess ragunament, l-Istati Uniti ghandha rabtiet qawwija ma’ l-EU, u, allura ma’ Malta. Dak li hu ta’ interess ghall-Istati Unitit mhux necessarjament ta’ interess ghal Malta! Pajjizna ghandu jkun liberu li jaghzel dak li jaqbel lilu. Kull pajjiz li jipprova jghin lill-iehor jistenna’ xi haga lura. L-istess dawk li jghinu lil kull partit politiku. Il-gwaj huwa meta dawk biss li jghinu igawdu! L-Air Malta bdiet fi hdan l-Air Pakistan u dak inhar ‘gl’uccelli del malaugurio’ tghidx kemm qabzu u sehtu! Sakemm sar it-tbazwir fl-Avrojets, l-Air Malta kient ‘baqra li tahleb’ mhux ftit lejn l-ekonimija Maltija! L-Avrojets saga tat il-bidu ghal ‘laissez-faire’ ghax min ‘h**a mexa!’
https://carmelcacopardo.wordpress.com/2011/06/27/air-malta-a-reminder-is-always-useful/