L-Air Malta u ċ-Ċina

Malta-China

 

Il-futur tal-Air Malta hu imċajpar. Ilna ħafna nafuh dan.

Il-froġa tal-Avro RJ70 nafuha. Qabilha, magħha u warajha kien hemm l-ingaġġ ta’ impjegati bl-addoċċ.

Sakemm il-biljetti tal-linji tal-ajru kienu bil-għoli, dan id-difett kien jinħeba, għax minkejja l-abbuż xorta kien hemm il-qliegħ.

Iżda kollox inġabar meta faqqgħet is-sajjetta tal-linji tal-ajru low cost. Bil-miġja ta’ dawn il-linji tal-ajru l-mudell ekonomiku li fuqha kienet mibnija l-Air Malta ma baqax jagħmel sens.

Konsulenti u esperti kellna kemm trid. L-għajnuna tal-istat ġiet ukoll, imma r-riżultati m’humiex eżattament kif kien mixtieq, almenu s’issa.

Huwa f’dan il-kuntest li jagħmel sens li l-Gvern ifittex u jesplora soluzzjonijiet oħra. Jidher li l-Gvern qiegħed jiddiskuti ma kumpanija tal-ajru Ċiniża dwar dan. X’qed jiddiskuti, s’issa mhux magħruf. Negozjati bħal dawn ma jkunux imperċin fil-pubbliku kif qed jippretendu uħud. Huwa normalissimu fid-dinja kummerċjali li tinżamm kunfidenzjalità stretta u dan minħabba li paroli żejda jistgħu jipperikolaw ftehim.

Id-diffikultà li jiena nara mhux daqstant fin-negozjati infushom daqskemm jekk jagħmilx sens strateġiku li wara li Malta rabtet il-karru tagħha maċ-Ċina fil-qasam tal-enerġija torbtu ukoll fil-qasam tal-linja tal-ajru.

Iċ-Ċina għandha l-interessi ġeostrateġiċi tagħha. Jaqblilha li jkollha saqajha fis-sod fl-Unjoni Ewropeja mhux biss għal raġunijiet kummerċjali, iżda ankè għal raġunijiet politiċi. Trid tnaqqas id-dipendenza tagħha mill-Istati Unit ital-Amerika, fost oħrajn. M’hiex tinvesti f’Malta biss iżda qed iddur l-Unjoni Ewropeja kollha. Imma dawk huma l-interessi taċ-Ċina.

Il-mistoqsija hi jekk Malta jaqblilhiex li tkun tiddependi ż-żejjed miċ-Ċina. Dak li hu fl-interess taċ-Ċina mhux neċessarjament li hu fl-interess ta’ Malta.

Din it-tip ta’ diskussjoni hi nieqsa mid-dibattitu dejjaq u partiġjan li għaddej bħalissa. Għax id-dibattitu partiġjan qed jaħbi l-issues reali li għadna niddiskutu. Bħal dejjem dawn jispiċċaw taħt it-tapit.

ippubblikat fuq iNews: l-Erbgħa 5 t’Awwissu 2015