L-Air Malta tibqa’ f’idejn id-dilettanti

air malta branding

Il-media online tirrapporta illum li diversi titjiriet tal-Air Malta qegħdin tard fil-ħin biex jitilqu. Ħin li jvarja. Fil-parti l-kbira id-dewmien hu ta’ bejn tletin minuta u siegħa.

Imma it-tijira għal Budapest ser tittardja bi tnax-il siegħa.

Ir-raguni? Wieħed mill-ajruplani ġie miżmum mill-jopera minħabba li ġiet osservat l-possibiltà ta’ ħsara meta ġie lura l-bieraħ fil-għaxija.

Dan id-dewmien kollu hu ikkawżat minn ajruplan wieħed inqas. Immaġinaw ftit kieku d-diffikultajiet inqalgħu meta l-Air Malta tneħħi tlett ajruplani, kif għanda l-ħsieb li tagħmel fix-xitwa.

L-Air Malta ilha bil-problemi. Ilhom ġejjin. L-Azzurra Air. L-impieg tan-nies bl-addoċċ. Ix-xiri tal-Avro RJ70.

Dan jonqos biex l-Air Malta tiġi ottu. Sadanittant l-impjegati inkwetati, mhux biss għax ma jafux x’inhu ġej. Iżda iktar, għax qed jirrealizzaw li l-futur tagħhom għadu f’idejn id-dilettanti.

B’dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet ma nafx x’futur jista’ jkun hemm għall-Air Malta.

L-Air Malta u ċ-Ċina

Malta-China

 

Il-futur tal-Air Malta hu imċajpar. Ilna ħafna nafuh dan.

Il-froġa tal-Avro RJ70 nafuha. Qabilha, magħha u warajha kien hemm l-ingaġġ ta’ impjegati bl-addoċċ.

Sakemm il-biljetti tal-linji tal-ajru kienu bil-għoli, dan id-difett kien jinħeba, għax minkejja l-abbuż xorta kien hemm il-qliegħ.

Iżda kollox inġabar meta faqqgħet is-sajjetta tal-linji tal-ajru low cost. Bil-miġja ta’ dawn il-linji tal-ajru l-mudell ekonomiku li fuqha kienet mibnija l-Air Malta ma baqax jagħmel sens.

Konsulenti u esperti kellna kemm trid. L-għajnuna tal-istat ġiet ukoll, imma r-riżultati m’humiex eżattament kif kien mixtieq, almenu s’issa.

Huwa f’dan il-kuntest li jagħmel sens li l-Gvern ifittex u jesplora soluzzjonijiet oħra. Jidher li l-Gvern qiegħed jiddiskuti ma kumpanija tal-ajru Ċiniża dwar dan. X’qed jiddiskuti, s’issa mhux magħruf. Negozjati bħal dawn ma jkunux imperċin fil-pubbliku kif qed jippretendu uħud. Huwa normalissimu fid-dinja kummerċjali li tinżamm kunfidenzjalità stretta u dan minħabba li paroli żejda jistgħu jipperikolaw ftehim.

Id-diffikultà li jiena nara mhux daqstant fin-negozjati infushom daqskemm jekk jagħmilx sens strateġiku li wara li Malta rabtet il-karru tagħha maċ-Ċina fil-qasam tal-enerġija torbtu ukoll fil-qasam tal-linja tal-ajru.

Iċ-Ċina għandha l-interessi ġeostrateġiċi tagħha. Jaqblilha li jkollha saqajha fis-sod fl-Unjoni Ewropeja mhux biss għal raġunijiet kummerċjali, iżda ankè għal raġunijiet politiċi. Trid tnaqqas id-dipendenza tagħha mill-Istati Unit ital-Amerika, fost oħrajn. M’hiex tinvesti f’Malta biss iżda qed iddur l-Unjoni Ewropeja kollha. Imma dawk huma l-interessi taċ-Ċina.

Il-mistoqsija hi jekk Malta jaqblilhiex li tkun tiddependi ż-żejjed miċ-Ċina. Dak li hu fl-interess taċ-Ċina mhux neċessarjament li hu fl-interess ta’ Malta.

Din it-tip ta’ diskussjoni hi nieqsa mid-dibattitu dejjaq u partiġjan li għaddej bħalissa. Għax id-dibattitu partiġjan qed jaħbi l-issues reali li għadna niddiskutu. Bħal dejjem dawn jispiċċaw taħt it-tapit.

ippubblikat fuq iNews: l-Erbgħa 5 t’Awwissu 2015

RCC u l-Avro RJ70. Wara raqda ta’ 15-il sena

RCC kien ikkwotat illum li għamel sfida lill-Karmenu Vella tal-Labour dwar l-Air Malta.

L-isfida hi dwar l-erba’ Avro RJ70 li l-Air Malta xtrat fi żmien li hu (RCC) kien membru tal-Bord tad-Diretturi tal-Air Malta.

Dawn l-ajruplani kienu sors ta’ telf kbir ta’ flus lill-Kumpanija ta’ l-Ajru Nazzjonali Air Malta. Dan it-telf baqa’ jħabbat lill-Air Malta għal snin twal tant li hemm min jinsisti illi kienu wieħed mill-fatturi ewlenin li ikkontribwew għall qagħda attwali tal-Air Malta.

L-isfida ta’ RCC hi dwar il-kuntratt għax-xiri ta’ dawn l-ajruplani. Skond RCC kien hemm ftehim dwar klawsola partikolari fil-kuntratt tax-xiri biex il-kumpanija li min ghandha kienu ser jinxtraw tiggarantixxi  li dawn l-ajruplani ma joħolqux problemi tekniċi jew operattivi lill-Air Malta. RCC informa lit-Times li :

“The board’s decision to purchase the Avro RJ70s was also based on a specific clause – known as trip cost guarantee – which guaranteed the cost of operating the four aircraft for 10 years. This meant that during that period, Air Malta would not have been exposed to any risks from technical or operational problems affecting the aircraft.”

Imma żmien wara l-Bord tad-Diretturi kien infurmat li din il-kundizzjoni kienet sparixxiet mill-kuntratt tax-xiri ta’ l-ajruplani. Il-Bord tad-Diretturi ma kien jaf b’xejn. Jidher li saret inkjesta biex jiġi stabilit eżattament x’ġara. Din l-inkjesta saret fl-1997 meta RCC kien għadu Direttur.

RCC qed jgħid li r-rapport tal-inkjesta qatt ma ġie ippubblikat u allura bħal speċi ħadd ma jaf x’ġara u b’mod partikolari, min kien responsabbli  biex il-kundizzjoni fil-kuntratt tal Avro RJ70 tisparixxi, mhux magħruf.

Issa din kobba mħabbla sew.

Jekk fhimt sew :
1) l-inkjesta saret fl-1997 u Karmenu Vella hu akkużat li ma ippubblika xejn, żamm ir-rapport tal-inkjesta mistur, qiesu qed jaħbi xi ħaġa jew jgħatti għal xi ħadd,

2) ftit xhur wara RCC reġa’ sar kważi Prim Ministru u r-rapport baqa’ mistur ukoll.

Mela qiesu hemm xi ħaġa li kemm RCC kif ukoll Karmenu Vella jaqblu dwarha.  Donnu qablu li jżommuha mistura. Interessanti ħafna. Jistgħu t-tnejn li huma jgħidulna x’ġara? X’qed jgħattu? U għaliex issa wara ħmistax-il sena RCC jħossu komdu li jipponta subgħajh f’din id-direzzjoni?