Sandwich : bejn il-Libja u l-Italja

Malta għandha ċans tajjeb li tkun sandwich nukleari f’nofs il-Mediterran. Bejn il-proġetti għal impjanti nukleari tal-Gvern ta’ Berlusconi fit-Tramuntana u dak ta’ Sarkozy fin-Nofsinnhar, ġewwa l-Libja.

 

Veru li kull Gvern jiddeċiedi x’jagħmel f’pajjiżu (b’rispett sħiħ lejn il-liġijiet tal-pajjiż). Imma huwa veru ukoll illi hemm obbligi f’dak li jsir f’kull pajjiż, lejn it-drittijiet ta’ pajjiżi terzi.

 

Fi tmiem ix-xahar l-ieħor kien it-22 anniversarju tat-traġedja ta’ Chernobyl, li dwarha kkummentajt f’dan il-blog.

 

It-traġedja ta’ Chernobyl ħalliet ħerba mhux biss fejn seħħ l-inċident  u madwaru, iżda effettwat ukoll pajjiżi diversi. Ir-radjuattivita li xterdet inħasset mijjiet ta’ kilometri l-bogħod. Issa l-impjanti nukleari jistgħu jkunu ta’ sigurta massima fis- sens li jaħdmu sewwa dejjem u bl-aħjar teknoloġija. B’nies mħarrġa kif imiss.

 

Kull ma hemm bżonn huwa żball uman wieħed. Li kif tafu, bil-buonavolonta kollha jista’ jiġri f’kull ħin. Bi żball uman wieħed, jiġifieri, jkollna ħerba wara l-bieb.

 

Issa żid ma din li fiċ-ċentru tal-Mediterran hawn ukoll attivita’ sismika. Ħarsu ftit x’ġara fil-Ġappun is-sena l-oħra.

 

Dan jonqos fil-Mediterran ! Kontaminazzjoni ta’ radjuattivita teqred il-ftit ħut li baqa’ apparti dak li tagħmel lit-turiżmu !

 

 

Leave a comment