Bugħarwien

 

Kemm-il darba jkollna xi żviluppatur, inkella xi Ministru jew Membru tal-Parlament jilmenta li proġett ma sarx jew kellu jinbidel minħabba xi dudu jew xi biċċa fjura. Attitudi li tindika illitteriżmu ekoloġiku grass.

 

Issa  fl-Irlanda id-Dipartiment tal-Ambjent qiegħed jagħti risposta lil dawn l-illitterati ta’ żmienna. Għadu kif ġie ippubblikat studju intitolat Benefits and Costs of Biodiversity in Ireland. Dan ir-rapport kien ippubblikat illum minn John Gormley Ministru Irlandiż tal-Ambjent, Wirt Storiku u Gvern Lokali. Huwa jifforma parti mill-Gvern ta’ Koalizzjoni fl-Irlanda u fil-fatt huwa l-Mexxej tal-Greens tal-Irlanda.

 

Dan ir-rapport jispjeġa x’benefiċċi qed nieħdu min-natura. Per eżempju l-bugħarwien (slug) hu stmat li jagħti lill-Irlanda servizz li għandu valur ta’ €700 miljun fis-sena.  U isimgħu din : il-biodiversita’ fl-Irlanda hi stmata li tagħti (mill-anqas) servizz tal-valur ta’ €2.6 biljun fis-sena.

 

Min għandu widnejn jisma’. 

 

 

 

Talba għall-maħfra ……….. u r-rispett ?

 

 

Segwejt fuq il-gazzetti dak li ntqal fil-Kunsill Ġenerali tal-PN fi tmiem il-ġimgħa.

 

John Dalli kien rappurtat li qal li l-PN rebaħ l-elezzjoni għax kien kapaċi jiskuża ruħu huwa u jiġri wara l-voti kollha li ntilfu. Fil-fatt it-Times  tal-lum għażlet it-titlu “The Time of Buying People is over”  bħala l-messaġġ tad-diskors ta’ John Dalli. L-Orizzont min-naħa l-oħra illum qaltilna li John Dalli qal “Irbaħna għax ġrejna wara n-nies u tlabnihom skuża.”

 

Issa li tkun kapaċi titlob skuża hi ħaġa tajba pero’ biex titwemmen trid tibdel triqatek. Fil-fatt John Dalli emfasizza ukoll li n-nies mhux skuża jridu iżda min jirrispetthom.

 

 

Tgħid ser ikollna Gvern li jirrispettana ?