Fil-Brazil Marina Silva, Ministru tal-Ambjent, irreżenjat. Il-BBC irrapporta li f’ittra ta’ riżenja lil Lula da Silva, President, hi qalet li kienet qed tirreżenja għal raġunijiet personali. Qaltlu ukoll li għal xi żmien kienet qed issib diffikultajiet biex timplimenta l-politika ambjentali tal-Gvern Brażiljan.
Jidher li r-riżenja tagħha oriġinat minn affarijiet oħra. L-istess BBC fil-fatt jgħid li l-President Brażiljan f‘dawn l-aħħar ġimgħat ħatar Ministru ieħor biex jikkoordina l-implimentazzjoni tal-politika dwar l-Amazonia.
Diġa hemm min beda jgħid li jittama li l-Ministru tal-Ambjent il-ġdid ma jkunx radikali daqs Marina !
Marina Silva kienet ilha Ministru għall-Ambjent mill-2002 meta Lula da Silva rebaħ l-ewwel elezzjoni presidenzjali. Marina daħlet fil-politika permezz tat-Trejdunjoniżmu fejn kienet taħdem spalla ma spalla ma Chico Mendes trejdunionista assassinat fl-1988. Hija mexxiet kampanji kbar kontra l-qerda tal-foresti u permezz ta’ kampanji mhux vjolenti kienet strumentali biex ġew salvati ettari sħaħ ta’ foresti mill-qerda tal-“iżviluppatur modern” .
Marina Silva kellha l-fama li kienet iebsa ma dawn l-“iżviluppaturi” u fejn kienu neċessarji permessi ambjentali kienet tinsisti fuq kundizzjonijiet iebsa ħafna.
Mhux diffiċli biex tifhem x’kien qed jiġri!
żieda :
Sadanittant, il-Guardian illum 15 ta’ Mejju jitfa’ iktar dawl fuq din ir-riżenja b’artiklu intitolat : Fears for Brazil rainforest after environment minister quits.