Is-siegħa tal-verita’

 

Il-GRTU appellat lill-Gvern biex inaqqas it-taxxa fuq id-diesel.

 

Sarkozy appella lill-Unjoni Ewropea biex issib mezz kif jintlaħaq ftehim ħalli il-VAT  fuq il-fuel ma tibqax tiżdied maż-żieda fil-prezz taż-żejt, li jum wara jum qed jikser kull record.

 

Il-Gvern Ingliż għandu pressjoni kbira biex inaqqas it-taxxi ambjentali fuq id-diesel u l-petrol.  Għandu ukoll min qiegħed jinkoraġġieh biex ma jagħmel l–ebda pass lura.

F’Malta x’ser nagħmlu ?

Huwa l-mument tal-verita’. Huwa f’dan il-waqt li jistgħu jissarrfu d-dikjarazzjonijiet kollha li saru matul dawn l-aħħar xhur favur l-ambjent u l-ġustizzja soċjali. It-tnejn flimkien.

Fuq x’għandu jsir dwar is-surcharge diġa tkellimt f’dan il-blog iktar kmieni din il-ġimgħa.

Iż-żieda fil-prezz taż-żejt ma tiddependix minna. Iżda kif nilqgħu għaliha minna biss jiddependi.

 

Huwa l-mument li nħarsu lejn l-istampa kollha u r-riforma konnessa mar-reġistrazzjoni tal-karozzi tista’ tkun l-opportunita unika biex jitjiebu l-kredenzjali ambjentali tal-pajjiż.

Huwa l-mument li t-taxxi li nħallsu għar-reġistrazzjoni tal-karozzi jkunu bbażati fuq l-impatti ambjentali (fosthom emissjonijiet u, għaliex le, parkeġġ). Imma ilkoll irridu nifhmu li t-taxxi ambjentali l-iskop prinċipali tagħhom mhuwiex li jinġabru l-fondi iżda li nibdlu l-imġieba tagħna. Għaldaqstant biex riforma serja fit-taxxa tar-reġistrazzjoni tal-karozzi tirnexxi jeħtieg li tkun akkumpanjata minn titjib sostanzjali fis-servizz tat-trasport pubbliku. Jekk irridu nirnexxu ma jistgħux jinfirdu.

 

Niftakru li jekk ikollna servizz tat-trasport pubbliku effiċjenti, il-prezz tal-petrol u d-diesel ma tantx ikun relevanti għal numru ikbar ta’ nies għax ħafna minna ma jkollhomx ħtieġa li jagħmlu użu mill-karozza tagħhom. Forsi jkun ukoll il-waqt li għal uħud karozza ma tibqax iktar neċessita.

 

 

Runway għal Għawdex ?

 

 

 

Donnu li d-diskussjoni dwar runway għal Għawdex qatt ma tieqaf.

 

L-argument li qiegħed jinġieb huwa li hu ferm iktar ekonomiku li topera b’ajruplan żgħir li jġorr madwar 19-il ruħ milli b’helicopter. Allura xi piloti u oħrajn midħla tal-industrija qed jipproponu runway ta’ 1000 metru. Qed jgħidu li dan jibbenefika lit-turiżmu !

 

Interessanti li xi ħadd jispjega kif dan jinkwadra fil-pjan ta’ trasformazzjoni ta’ Għawdex fi gżira ekologika. Mhux aħjar li jsir sforz ikbar biex Għawdex isir ċentru ta’ turiżmu sostenibbli ? X’qiegħed isir biex ikun sviluppat l-agrituriżmu f’Għawdex ? Diġa jeżisti imma fuq skala żgħira. Imma ma jidhirx li hemm l-ebda inkoraġġiment mill-awtorita. Għax l-emfasi qegħda fuq it-turiżmu tal-lukandi.

 

 

Jinġiebu ħafna argumenti fuq airstips f’Lampedusa, Pantalleria u l-Gżejjer Griegi, imma ma jgħidux illi dawn huma l-bogħod mhux ħażin mill-eqreb art. Imbagħad wara kollox issa beda jaħdem l-airplane. Mhux aħjar naraw ftit kif jista’ jitjieb dan is-servizz bl-inqas impatti ambjentali, milli nippruvaw neqirdu iktar raba’ ?  Ma nqerditx biżżejjed matul is-snin ?

 

 

Imbagħad hemm argument ieħor li ftit jitkellmu dwaru. Malta u Għawdex kemm jifilħu turisti ? L-infrastruttura tagħna tiflaħ il-kwantita ta’ turisti li nitkellmu dwarha?

 

Ejja naraw ftit x’nifhmu b’turiżmu sostenibbli. Xi jfisser fir-realta’ għalina ilkoll. Mhux għal Għawdex biss, iżda għal Malta ukoll.