L-imġieba korretta tal-persuni fil-ħajja pubblika mhux biss hi essenzjali: hi mera tal-għeruq tal-etika fil-ħajja ta’ kuljum tal-pajjiż.
Dawk li jokkupaw uffiċċju politiku, ta’ kull sena hu mistenni li jippreżentaw dikjarazzjoni dwar dak li jippossjedu. Dan isir mhux biex naqtgħu l-kurżità jew inkella biex ikollna fuq xiex inzekzku. Isir biex ikun jista’ jiġi imkejjel b’dak li jippossjedu, jekk, abbużawx mill-posizzjoni tagħhom. Jekk id-dikjarazzjoni li issir tkun tirrifletti dak li jippossjedu wieħed jista’ jqabbel dikjarazzjoni ta’ sena ma dik ta’ sena oħra u b’dan il-mod ikun jista’ jifforma opinjoni jekk dak li jkunu qed jakkumulaw huwiex ġej mill-ħidma leġittima tagħhom inkella minn x’imkien ieħor.
Huwa għalhekk inkwetanti ħafna meta min jokkupa uffiċċju politiku jagħżel li jinvesti ġidu f’postijiet fejn hemm segretezza sħiħa. Għax min jeħtieġlu li kontinwament jagħti kont ta’ egħmilu ma jistax u m’għandux jaġixxi b’dan il-mod.
Meta l-persuni fil-ħajja pubblika jaħbu ġidhom ikunu qed jagħtu messaġġ żbaljat. Għax ikunu qed jgħidu li jiġu jaqgħu u jqumu mit-trasparenza u l-kontabilità, anke jekk fl-istess ħin ma jieqfux jipprietkaw dwarhom. Għax jekk ġidek ikun moħbi ma tistax tkun kontabbli: ma tistax tagħti kont ta’ egħmilek. Anke jekk kull ma tippossjedi jkun ġie akkwistat bl-iktar mod regolari.
Kif tista’ tagħti kont ta’ egħmilek jekk ġidek taħbieh f’kumpanija sigrieta f’ġurisdizzjoni li ma tagħti sodisfazzjon lil ħadd?
Dan hu l-iżball tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri l-Kasco. Qed jiżbalja ukoll il-Prim Ministru li qiegħed jagħtihom l-appoġġ sħiħ tiegħu dwar il-kumpaniji fil-Panama.
Hu tal-biki li l-Partit Laburista qiegħed jaġixxi qiesu xejn m’hu xejn. Kieku intagħżlet it-triq tal-irġulija u Konrad Mizzi u Keith Schembri irreżenjaw mill-ewwel il-kaz ilu żmien magħluq. Imma billi webbsu rashom qed jagħtu l-messaġġ li għandhom x’jaħbu, anke jekk m’għandhomx. Dan kollu qed ikollu rifless fuq il-kredibilità tal-Gvern, tal-pajjiż u tal-Partit Laburista nnifsu.
Uħud minnkom, bħali, l-ġimgħa l-oħra smajtu lill-Avukat Toni Abela jwieġeb il-mistoqsijiet tal-membri Parlamentari Ewropej. Smajtu bħali l-emfasi fuq il-korruzzjoni f’uħud mill-mistoqsijiet li sarulu. Minħabba l-attitudi tal-Gvern pajjiżna qed jagħti l-messaġġ li l-korruzzjoni hi xi ħaġa aċċettabbli. Għax dak hu li jiġri meta l-Gvern jipprietka t-trasparenza u l-kontabilità imma fl-istess nifs jinkoraġixxi s-segretezza u jagħti appoġġ lill-imġieba ħażina.
Sfortunatament il-Gvern ta’ Joseph Muscat iktar moħħu fid-daqs tas-swimming pool ta’ Beppe Fenech Adami milli fl-imġieba ta’ dawk li qed iħaddmu l-makkinarju tal-istat. Dawn huma l-konsegwenzi ta’ Gvern li hu amorali, jiġifieri Gvern li għalih, xejn m’hu xejn, kollox jgħaddi.
Pajjiżna jixraqlu aħjar. Jixraqlu fuq kollox li l-Gvern ikollu l-prijoritajiet tiegħu f’posthom. Għax it-trasparenza u l-kontabilità jiġu qabel is-swimming pool ta’ Beppe.