Xejn m’hu xejn: fir-Republika tal-Banana

The Banana Republic of Malta

 

Għall-Partit Laburista fil-Gvern, jidher li xejn m’hu xejn. Għall-Partit Nazzjonalista fl-Opposizzjoni, fil-pajjiż hawn rieħa taqsam ta’ korruzzjoni li tinxtamm wara kull kantuniera. Tlett snin ilu l-affarijiet kienu bil-maqlub. Dakinnhar għall-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kollox kien miexi fuq ir-rubini u għall-Partit Laburista fl-Opposizzjoni l-pajjiz kien qabad it-triq tan-niżla.

Il-vizjoni taż-żewġ partiti politiċi fil-Parlament hi waħda mċajpra. Dak li jagħmlu huma hu kollu tajjeb. Huwa biss dak li tagħmel in-naħa l-oħra li hu ħażin.

Il-Prim Ministru qed jgħidilna li l-Ministru Konrad Mizzi ma għamel xejn ħażin meta akkwista jew irreġistra kumpanija fil-Panama.

Għalfejn ikunu akkwistati jew reġistrati kumpaniji fil-Panama? Jekk tfittxu u taqraw daqsxejn issibu li l-Panama, pajjiż fl-Amerika Ċentrali, huwa ħafna drabi mfittex minn min irid jaħbi l-ġid li jkun akkumula, ikun xi jkun is-sors li minnu dan joriġina. Il-Panama għandha leġislazzjoni finanzjarja żviluppata li tipprovdi fost oħrajn għal eżenzjoni minn kull taxxa lil dawk il-kumpaniji li filwaqt li jkunu reġistrati fil-Panama ma joperawx hemmhekk.

Il-Ministru Konrad Mizzi, u issa żdied miegħu ċ-Ċhief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, fil-komunikazzjonijiet tagħhom mal-istampa spjegaw li l-kumpaniji tagħhom (s’issa) la għandhom assi u l-anqas ma għamlu l-ebda transazzjoni. Mizzi qal li l-kumpanija fil-Panama u t-trust assoċjata magħha li qegħda fi New Zealand huma intenzjonati biex jamministraw il-ġid tal-familja fil-waqt li Keith Schembri qed jgħid li da parti tiegħu kellu bżonn alternattiva għal trust preżentement ibbażat f’Malta li l-bank li bħalissa qed jamministrah qed jikkunsidra li jgħaddieh f’idejn ħaddieħor.

L-opinjoni pubblika kemmxet xuftejha għal dawn l-ispjegazzjonijiet għax dawn bl-ebda mod ma jiġġustifikaw il-ħolqien ta’ kumpaniji fil-Panama li ngħiduha kif inhi, iktar huma assoċjati mal-ħabi tal-ġid milli għal xi kwalunkwe skop ieħor. Filwaqt li s’issa ħadd għadu ma ġieb l-ebda prova ta’ xi fondi illeċiti assoċjati ma dawn il-kumpaniji fil-Panama kull min għandu rasu fuq għonqu qed jistaqsi għaliex inħolqot din l-assoċjazzjoni perikoluża minn Mizzi u Schembri.

Tweġiba konvinċenti s’issa ma hemmx. Imma hu ovvju għal kulħadd li l-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn.

Il-persuna fil-ħajja pubblika ma tiżbaljax biss meta tikser il-liġi, imma ukoll meta jibgħat messaġġi żbaljati. Hu messaġġ żbaljat dak li qed jibgħatu Konrad Mizzi u Keith Schembri meta qed jassoċjaw ruħhom mal-Panama, pajjiż li l-Unjoni Ewropea tqiesu bħala tax haven, u mal-ħasil tal-flus maħmuġin. Pajjiż li d-dinja demokratika tqiesu bħala wieħed fejn jinħbew il-flus li joriġinaw minn attività illeċita.

Hu żball oħxon tal-Prim Ministru li ma jara xejn ħażin f’dak li hu għaddej. Dan hu rifless tal-kumpass etiku tal-Prim Ministru, u sfortunatament ukoll il-kumpass etiku tal-amministrazzjoni li hu qiegħed imexxi.

Fi kwalunkwe pajjiż demokratiku ieħor, pajjiż li jirrispetta lilu nnifsu, Konrad Mizzi, anke biss bħala riżultat ta’ dak li hu magħruf s’issa, kien ikun xkupat il-barra mill-Kabinett, illum qabel għada. Minflok inħatar bħala Deputat Mexxej tal-Partit fil-Gvern.

Qed insiru pajjiż fejn xejn m’hu xejn, fejn kollox jgħaddi. Fi ftit kliem sirna qiesna Repubblika tal-Banana f’nofs il-Mediterran.

L-imġieba ta’ Konrad u ta’ Keith tal-Kasko

Standards in Public Life Bill

Waqt li għaddejja l-argumenti dwar il-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri tal-Kasco fil-Panama tajjeb li nħarsu ftit lejn l-aġenda tal-Parlament.

Fiha hemm item pendenti bl-isem ta’ abbozz ta’ liġi dwar l-Istandards fil-ħajja pubblika. Dan l-abbozz ta’ liġi japplika għall-membri parlamentari [bħal Konrad Mizzi] u għal persuni impjegati in a position of trust [bħal Keith Schembri tal-Kasco].

Il-Gvern ilu kwazi sentejn ikaxkar saqajh dwar din il-liġi għax minkejja li kien hemm qbil unanimu dwarha fis-Select Committee, din baqgħet fuq l-ixkaffa.

Kieku Joseph Muscat serju u verament jemmen dak li qed jgħid, kieku din il-liġi ilha approvata.

Kieku l-liġi dwar l-istandards fil-ħajja pubblika ġiet approvata diġa inħatar Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li għada it-Tnejn kien jibgħat għal Konrad u Keith Schembri tal-Kasco u jitlobhom spjegazzjoni dettaljata dwar il-kumpanija tagħhom fil-Panama u jiftaħ investigazzjoni immedjatament.

Imma kieku …………. jibqa’ kieku ………….. għax Joseph u l-Partit Laburista fil-Gvern għadhom qed ikaxkru saqajhom.

Il-ġrieden f’Xarabank

Peppi Azzopardo

Xarabank il-bieraħ kien programm dwar il-ġrieden, wisgħat u xi cockroach. Dwar nies li jibżgħu minnhom u li permezz ta’ ipnożi ġew meħlusa minn dawn il-biżgħat.

Meta fil-pajjiż għaddejja din il-kontroversja kollha dwar Konrad Mizzi u l-imġieba suspettuża tiegħu kont nistenna li Xarabank jitkellem dwar ġrieden oħra.

 

Il-MEPA u l-pompa tal-petrol proposta għall-Magħtab

Maghtab PS

Il-bieraħ quddiem il-Bord tal-MEPA bdiet tiġi diskussa l-applikazzjoni dwar il-pompa tal-petrol fil-Magħtab. Id-diskussjoni kella issir xi ġimgħat ilu, imma kienet posposta minħabba proċeduri fil-Qorti mir-residenti għax ir-rapport li kien ikkonkluda sa dakinnhar id-Direttorat tal-Ippjanar kien qed jinjora l-fatt li l-Pjan Lokali kellu policy li ż-żona fejn kienet proposta l-pompa tal-petrol kien jirriżervaha bħala Category 2 Rural Settlement.

Meta  bdiet id-diskussjoni ma saret l-ebda referenza għal din l-istess policy mill-esperti u professuri li ppreżentaw power points elaborati f’isem l-iżviluppatur u f’isem il-MEPA. Kien hemm minnhom min qalilna biss li l-policy ma tapplikax u waqaf hemm. Ħadd ma indenja ruħu jispjega għaliex.

Iffaċċjati b’dan jiena flimkien mal-persuni l-oħra li f’isem ir-residenti konna qed nippreżentaw il-każ kontra l-proposta ta’ żvilupp tal-pompa spjegajna għaliex il-policy fil-Pjan Lokali kellha tiġi applikata.

Jiena spjegajt għaliex skond il-Pjan Lokali l-permess għall-pompa tal-petrol ma setax joħroġ. Ha nikkwota dak li irrapporta Kevin Schembri Orland fl-Independent :

“He delivered a brief presentation against the project. “The central issue, which seems to have been missing from most presentations given, is that the site forms part of Rural settlement Category 2 (Policy CG04 in the Central Malta Local Plan). If some basic research was conducted, one would see that wall to wall with the site, there is an application refused as it forms part of Rural Settlement Category 2, and this was also confirmed in the appeal of that case. “This is basic information which you must take into consideration”. “Looking at CG04, it specifies what can be built in a rural settlement, and a petrol station is not one of the developments allowed under this policy” Cacopardo read from MEPA policy and said that the aim of this designation as a Category 2 Rural Settlement is to prevent further development of incompatible uses in the area, due to the disorganized state of the settlement. He said that since this is part of a rural settlement, this Board has its hands tied and cannot allow another use that conflicts with policy CGO4.”

Wara li konna spiċċajna nippreżentaw il-każ f’isem ir-residenti, l-esperti li kien hemm bdew iwieġbu xi punti. L-Independent jirrapporta hekk dwar dak li ġara :

“Mr Cacopardo, as well as residents in the area, had been arguing that a particular policy was not taken into consideration. After residents made these arguments, the representative of the Planning Directorate argued that it was considered, and began making his arguments. At this point, Carmel Cacopardo stood up asked why none of these reasons were included in the DPAR report and accused him of professional disloyalty for not including these arguments in their documents.”

Id-Direttorat tal-Ippjanar  għandu l-obbligu li jispjega b’mod ċar u eżatt il-posizzjoni dwar kull applikazzjoni li tkun qed tiġi ikkunsidrata. Irrispettivament xi tkun l-opinjoni professjonali tal-uffiċjali tad-Direttorat għandhom l-obbligu li ma joqgħodux iduru mal-lewża jew li jevitaw xi argument. Imma sfortunatament spiss qed jagħmlu dan.  Għalhekk għidt li dan kien każ ta’ slealta.

Il-MEPA permezz tad-Direttorat tal-Ippjanar għandha l-obbligu li tiskuża ruħha mar-residenti tal-Magħtab.

 

Il-politika nadifa ma tiġix mix-xejn

Prickly Pear

Jiena u nikteb, fil-media, għaddejja spekulazzjoni dwar Konrad Mizzi u l-Panama. Għax billi l-Panama hi assoċjata mal-evażjoni tat-taxxi, man-nuqqas ta’ trasparenza, mal-kriminalità organizzata (in partikolari mat-traffikar tad-drogi), diversi qed jgħaġġlu jaqgħu fin-nassa u jaslu għal konklużjonijiet mgħaġġla.

Ma nistgħu nagħtu tort lil ħadd jekk din l-aħħar aħbar dwar il-Panama tkompli ssaħħaħ is-suspetti li nħolqu tul dawn l-aħħar snin. Imma lkoll kemm aħna għandna l-obbligu li ma naslux għal konklużjonijiet mgħaġġla.

Ankè Konrad Mizzi għandu l-obbligu li bl-imġieba tiegħu ma jagħtix sinjali żbaljati. Għandu l-obbligu hu ukoll li joqgħod attent biex ma jassoċjax ruħu ma simboli tal-ħmieġ għax meta jagħmel hekk, il-konklużjonijiet huma inevitabbli.

Il-politika nadifa ma taqax bħal bajtra misjura, imma rridu naħdmu għaliha kuljum, billi fost oħrajn ma nagħtux lok għal suspetti bla bżonn.

Il-politiku, bl-imġieba tiegħu u b’dik ta’ dawk ta’ madwaru jwassal messaġġi ċari u l-opinjoni pubblika kapaċi tifhem dawn il-messaġġi u bħala riżultat ta’ dak li tifhem tasal għal konklużjonijiet ta’ malajr, mingħajr il-ħtieġa li tgħarbel il-provi (għax dawn idumu ma jaslu).

Għax il-politika nadifa ma tiġix mix-xejn. Naħdmu għaliha kuljum, ma kull nifs li nieħdu.

 

Meta iċċaqċaq il-qasba

Konrad Mizzi 13

Il-Ministru Konrad Mizzi ħabbar li waqqaf trust fi New Zealand biex, billi huwa bniedem imħabbat ħafna, permezz tiegħu iqabbad lil terzi biex jamministraw l-investimenti tal-familja.

Huwa tajjeb li jaħseb fit-tul, l-Onorevoli Mizzi.

Il-problema mhix it-trust, iżda dak li ser jitpoġġa fih, kif ukoll minn fejn dan oriġina.

M’għandix dubju li għad irridu nisimgħu ħafna iktar dwar dan. Diġa qed jingħad ħafna fuq il-medja dwar x’seta wassal għal dan il-pass. Għax, ngħiduha kif inhi, mhux soltu li nisimgħu b’dawn l-istejjer, ħlief forsi riċentement meta smajna bi stejjer mill-Bahamas.

Għaliex New Zealand? Ilna nisimgħu stejjer,  uħud minnhom imfesfin fil-widnejn.  Uħud ser ikollhom bżonn mappa biex jifhmu ftit fejn qed isir iċ-ċaqlieq.

Il-qasba qatt ma ċċaqċaq għalxejn.

Nistennew, bħal dejjem.

Mhux tad-daħq : l-ODZ fil-Karnival

Joseph.Simon.Karnival

 

Bħalissa f’pajjiżna kulħadd irid jurina kemm għandu qalbu taħarqu għall-ambjent.

Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi, fi tmiem il-ġimgħa, Sandro Chetcuti tkellem dwar il-ħtieġa li nħarsu l-ambjent, għax, qalilna, li mingħajr ma nħarsu l-ambjent ma jistax ikollna ekonomija b’saħħitha.

Sadanittant fit-toroq tal-Belt il-bieraħ, wieħed mill-karrijiet tal-Karnival għandu fuqu l-ittri ODZ u ingħata l-isem : L-ambjent m’għandux futur, għax seraqulu l-kuntrattur.

L-importanza tal-ambjent tirrifletti x-xewqa ta’ bosta minna li ngħixu f’armonija man-natura u dan flok ma nkunu f’konflitt kontinwu magħha. Jekk (u meta) dan jirnexxielna nagħmluh inkunu qed nagħmlu sforz ġenwin biex intejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd, imma l-iktar ta’ dawk li huma bla mezzi jew b’mezzi limitati. Għax il-karba tal-art hi l-ewwel u qabel kollox il-karba tal-fqir.

Tul is-snin inbniet ħafna art bla ħtieġa, tant li fl-aħħar ċensiment (li sar fl-2011) ġie stabilit li iktar minn 70 elf propjetà residenzjali f’Malta u Għawdex huma vojta. Meta wieħed iqis li l-ikbar lokalità ta’ Malta, B’Kara, fl-aħħar ċensiment kien fiha 9,977 propjetà residenzjali, dan ifisser li f’Malta u Għawdex għandha żona li hi kbira 7 darbiet daqs B’Kara li hi vojta.

Nistgħu nargumentaw dwar id-daqs u l-kundizzjoni ta’ din il-propjetà kollha vojta, jew dwar il-fatt li numru mdaqqas tagħha hi użata bħala akkomodazzjoni staġjonali, imma l-fatti jibqgħu dak li huma: li pajjiżna hu żgħir wisq biex nibqgħu nittolleraw din il-ħela ta’ art, l-iktar riżors skars li għandu pajjiżna. Iċ-ċokon tal-pajjiż kellu jwassal għal iktar ħsieb dwar użu razzjonali tal-art. Imma minflok inħliet ħafna art, inkluż art  barra miż-żona tal-iżvilupp.

Mhux l-art biss inħliet. Inħlew ukoll riżorsi sostanzjali biex saru toroq kif ukoll biex twasslu s-servizzi tal-ilma, l-elettriku u drenaġġ għal dawn is-70 elf propjetà li hemm vojta.  Qed jinħlew ukoll riżorsi sostanzjali biex dawn it-toroq u servizzi jinżammu f’kundizzjoni raġjonevoli.

L-isfida għal pajjiżna hi waħda kbira. L-ewwel, ma nistgħux nibqgħu nibnu iżjed art. It-tieni li r-riżorsi umani fl-industrija tal-bini (hemm madwar 11,000 ruħ li l-impieg tagħhom jiddependi minn din l-industrija) jkunu imħarrġa. It-taħriġ tagħhom huwa meħtieg kemm għal xogħol fl-industrija innifisha kif ukoll biex tkun iffaċilitata l-migrazzjoni għal xogħol ieħor. Dan hu inevitabbli jekk l-industrija tal-kostruzzjoni tirridimensjona ruħha għall-ħtiġjiet reali tal-pajjiż. Huwa hekk biss li naqbdu t-triq tal-iżvilupp sostenibbli, meta inħarsu fil-bogħod u nippjanaw b’mod li dak li nagħmlu illum ma jkunx biss ta’ ġid għalina illum iżda jservi ukoll biex il-ġenerazzjonjiet ta’ għada jkollhom huma ukoll il-possibiltà li jippjanaw ħalli jilqgħu għall-isfidi l-ġodda li huma ukoll ser ikollhom.

S’issa bħala pajjiż ġejna naqgħu u nqumu minn għada. Inkunu bdejna nimxu l-quddiem meta nibdew inħarsu fit-tul u nibdew nagħtu importanza lill-għada daqs kemm nagħtu importanza lil illum.

Bejn Owen Bonnici u Franco Debono

owen bonnici + franco debono

Dawn l-aħħar ġranet, Franco Debono ta bosta pariri lil Owen Bonnici fuq il-medja soċjali. Ma nafx x’ma qallux.

Wara li Owen ħa żball madornali u ta parir lill-Kabinet dwar il-ħatra ta’ maġistrati li kull min jifhem qed jgħid li ma setgħux jinħatru, naħseb li Franco għandu biċċa xogħol mhux żgħira.

Għax Franco Debono dan l-aħħar kien qed iħambaq dwar il-ħtieġa li jkun hemm għarfien aħjar tal-Kostituzzjoni. Forsi jkun utli għal Franco li jfiehem ftit lil Owen dwar dawk il-partijiet tal-Kostituzzjoni li jitkellmu fuq il-ħatra tal-maġistrati, għax jidher li Owen fehmhom ħażin!

Inħarsu l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd

mdalogo

indirizz li għamilt lil Laqgħa Ġenerali Annwali

tal-Malta Developers Association

il-Ħamis 4 ta’ Frar 2016

Bħalissa pajjiżna għaddej minn fażi fejn kulħadd qed iħoss il-ħtieġa li jgħid li għalih l-ambjent hu ta’ importanza kbira. Dan huwa importanti ħafna, anke jekk ma jistax jitwemmen kull ma jingħad.

L-importanza tal-ħidma favur l-ambjent hi rifless tax-xewqa li ngħixu f’armonija mal-eko-sistema u dan flok ma nkunu f’konflitt kontinwu magħha.  Dan itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd imma l-iktar ta’ dawk li huma bla mezzi jew b’mezzi limitati.

Il-ħidma tagħkom hi assoċjata ma ħsara ambjentali sostanzjali minħabba li tul is-snin inbniet ħafna art li wasslet għall-fatt stabilit fl-aħħar ċensiment ta’ il-fuq minn 70 elf propjetà residenzjali li huma vojta. Nistgħu nargumentaw dwar id-daqs u l-kundizzjoni ta’ din il-propjetà vojta, jew dwar il-fatt li numru mdaqqas tagħha hi użata bħala akkomodazzjoni staġjonali, imma l-fatti jibqgħu dak li huma: li pajjiżna hu żgħir wisq biex nittolleraw din il-ħela ta’ art, l-iktar riżors skars li għandna. Iċ-ċokon tal-pajjiż kellu jwassal għal iktar ħsieb dwar użu razzjonali tal-art. Mhux illum, iżda snin kbar ilu.

Ikun inġust li nitfa f’ħoġorkom biss il-ħtija għal dan l-istat ta’ fatt. Parti kbira mill-ħtija trid tintrefa mill-partiti politiċi mmexxija miż-żewġ sinjuri li ser jitkellmu warajja li, kif iddeskriva b’mod ikkulurit l-President tagħkom, qieshom żewġ supermarkets kbar li jippruvaw iħajjrukom bl-offerti tagħhom tant li daqqa tiġru wara wieħed u drabi oħra wara l-ieħor. Offerti li tul is-snin lilkom fetħulkom il-bibien imma fl-istess ħin għalquhom għal ħafna oħrajn għax kienu l-kawża ta’ ħsara ambjentali sostanzjali f’kull rokna ta’ Malta u Għawdex.

Filwaqt li tajjeb li nħarsu l-quddiem, ma nistgħux indaħħlu rasna fir-ramel, għax inkella ninsew l-abbużi w it-tmexxija ħażina li wasslu lil dan il-pajjiż fl-istat ambjentali li qiegħed illum. Kull darba li ninsew il-passat inkunu fil-periklu li jkollna repetizzjoni tal-istess żbalji ħoxnin li kienu responsabbli biex għaġnu l-preżent.

Ma għandi l-ebda dubju li kull wieħed minnkom jixtieq li l-kwalità tal-ħajja tkun aħjar għal kulħadd. Tixtiequ dan, l-ewwel u qabel kollox, għall-familji tagħkom u tagħmlu sewwa. Tajjeb imma li tifhmu li l-familji l-oħra ukoll għandhom l-istess xewqat u aspirazzjonijiet. Xewqat u aspirazzjonijiet li huma maħnuqa ma’ kull biċċa raba’ li tinbela’ mill-konkos biex jinbena xi blokk flats, inkella ma kull torri (żgħir jew kbir) li jdellel iż-żoni residenzjali ta’ madwaru u dan apparti t-tniġġiż tal-arja u l-ħsejjes ġġenerati. Il-profitti ġġenerati minn dan l-hekk imsejjaħ żvilupp iħallsu qares għalih il-ġirien. Dan ma jidhirx li jitkejjel minn xi indiċi ambjentali fażull ta’ xi Università Amerikana.

Il-ħolqien tal-assoċjazzjoni tagħkom kienet pass il-quddiem għax miġburin flimkien hemm ċans ikbar li tifhmu li lkoll kemm aħna qegħdin fl-istess dgħajsa. Miġburin flimkien hemm iktar ċans li titjieb l-attitudni. Huwa pożittiv li anke intom konxji li l-waħdiet fostkom li jabbużaw jagħmlu ħsara lil kulħadd, l-iktar lilkom stess, u li dawk fostkom li jimxu tajjeb b’rispett lejn il-komunità kollha fl-aħħar jagħmlu isem tajjeb għall-industrija kollha kemm hi.

Huwa neċessarju li tifhmu li biex l-industrija tal-bini jkollha futur jeħtieġ li lkoll nifhmu li din trid tagħti każ tar-realtajiet ta’ madwarna: u l-ikbar realtà hi ċ-ċokon tal-pajjiż li ma jistax jibqa’ jżid il-firxa tal-bini, la fuq l-art (inkluż permezz ta’ torrijiet) u wisq inqas fuq il-baħar. Nawgura li xi darba dan tifhmuh, għax qabel ma jasal dak il-jum ma nistgħux nimxu l-quddiem.

Sadanittant għandna bżonn li nsaħħu djalogu strutturat għax huwa biss b’dan il-mod li nistgħu nifhmu iktar lil xulxin. Hu għalhekk li Alternattiva Demokratika ltaqgħet magħkom u tibqa’ tiltaqa’ magħkom kull meta jkun meħtieġ.

Hu inutli li nfittxu li ntejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ dawk ta’ madwarna jekk biex naslu ngħaffġu l-kwalità tal-ħajja ta’ ħaddieħor. It-tajjeb li nixtiequ lil dawk ta’ madwarna jeħtieġ li nferrxuh mal-bqija tal-pajjiz. Għax il-familja tagħna hi ikbar minn dik bejn l-erba’ ħitan ta’ darna. Huwa biss meta naħsbu f’ din il-familja estiża li inkunu nistgħu nitkellmu dwar il-progress. Imbagħad biss jibda jagħmel sens il-paroli ma jispiċċa qatt favur l-ambjent.