Minn 2 għal 3

Malta Parliament

Id-diskussjonijiet biex tinħoloq forza politika ġdida għaddejjin. Alternattiva Demokratika qed tipparteċpa fihom għax temmen li għandha rwol importanti biex l-entuzjażmu ta’ bosta li xebgħu mis-sistema ta’ żewġ partiti jingħata leħen effettiv.

Hemm diversi persuni minn kull qasam tal-ħajja li wrew interess f’dan il-proġett li nittama li jkun varat fi ftit tal-ġimgħat oħra.

Il-forma preċiża li din il-forza ser tieħu għadha mhiex ċara imma ser iġġib flimkien lill-Alternattiva Demokratika tal-lum mal-voluntiera li qed jinġabru madwar Marlene Farrugia.

Bla dubju dan ser jibni fuq il-pedamenti ta’ Alternattiva Demokratika, imma ser jilħaq iktar nies li sa ftit taż-żmien ilu kienu għadhom jittamaw li s’sistema ta’ żewġ partiti tista’ taħdem fl-interess tal-pajjiż. Issa qed jirrealizzaw li ħadu żball.

Dan il-pass ser ikun possibli minħabba li illum iktar nies qed jiftħu għajnejhom li hu fl-interess tal-pajjiż li jkun hemm leħen ieħor fil-Parlament.

Tul il-ġimgħat li ġejjin din il-forza ġdida fil-politika Maltija tieħu sura u mbagħad inkunu nistgħu nitkellmu aħjar.