Joseph frisk bħal ħassa

Lettuce

 

L-Allied Newspapers Limited, il-kumpanija responsabbli għall-pubblikazzjoni tat-Times of Malta u s-Sunday Times of Malta, fid-dawl tal-informazzjoni li ħierġa ftit ftit fuq il-blog ta’ Daphne Caruana Galizia dwar allegazzjonijiet gravi ta’ tixħim u korrużżjoni ħadu passi immedjati. Infetħet investigazzjoni interna fil-kumpanija biex teżamina l-allegazzjonijiet serji li saru. Il-persuna fit-tmexxija tal-kumpanija li għaliha qed issir referenza, l-Managing Director Adrian Hillman, ħareġ bil-leave, sakemm tkun konkluża l-investigazzjoni u jkunu ikkunsidrati l-konklużjonijiet.

L-allegazzjonijiet dwar tixħim ma jikkonċernawx biss lil min qed jingħad li ġie imxaħħam. Jikkonċernaw ukoll lil min qed jingħad li xaħħam u ċjoe lil Keith Schembri tal-Kasco.

Bħala Chief of Staff tal-Prim Ministru il-Kasco tgħaddi minn taħt idejħ informazzjoni minn l-iktar sensittiva li tikkonċerna lill-pajjiżna.

Jista’ l-pajjiż jibqgħa immexxi b’dan il-mod: minn persuni li hemm dellijiet kbar dwar l-integrità tagħhom, bil-poter effettiv tal-pajjiż f’idejhom?

Sadanittant Joseph frisk bħal ħassa. Qiesu ma ġara xejn. Għandu fiduċja sħiħa f’Keith tal-Kasco tant li ma jħossx il-ħtieġa li ssir investigazzjoni. Inevitabilment, f’din is-sitwazzjoni tasal għal konklużjoni li Joseph Muscat u Keith Schembri tal-Kasco qed jiddefendu lil xulxin.

Pajjiżna jixraqlu aħjar.