
Nhar il-Ġimgħa li għaddiet rappreżentanti ta’ iktar minn 170 pajjiż, Malta inkluża, inġabru fil-kwartieri ġenerali tal-Ġnus Magħquda fi New York biex jiffirmaw il-ftehim dwar il-klima li intlaħaq fi tmiem is-sena ġewwa Pariġi. Dan il-ftehim għandu jfisser li hemm qbil li kull pajjiż ser jikkontribwixxi lejn soluzzjoni ta’ din il-problema.
Hemm qbil biex jittieħdu l-passi kollha meħtieġa ħalli t-temperatura globali ma togħliex iktar minn bejn 1.5oC u 2oC fuq it-temperatura globali, kif din kienet fil-bidu tal-perjodu industrijali. Biex dan isir jeħtieġ li jonqsu l-emissjonijiet li qed joriġinaw mill-attivitajiet tal-bniedem u li qed jinġabru fl-atmosfera u jsaħħnu d-dinja. Ewlieni fost dawn il-gassijiet hemm id-diossidju tal-karbonju (CO2) li prinċipalment joriġina mill-ħruq ta’ żjut fossili li nużaw biex niġġeneraw l-elettriku kif ukoll mill-petrol u mid-diesel li jintużaw fil-karozzi u inġenji oħra.
Anke Malta ser tfittex li tnaqqas l-impatti tagħha fuq il-klima u dan billi jkollha politika sostenibbli dwar it-trasport, l-enerġija u l-agrikoltura, fost oħrajn. Irridu nindirizzaw l-impatti tal-klima fuq il-bijodiversità, fuq is-saħħa, fuq it-turiżmu, fuq l-ilma, fuq l-agrikoltura kif ukoll fuq l-infrastruttura marittima.
Kemm is-sena li għaddiet kif ukoll l-ewwel tlett xhur ta’ din is-sena kienu fost l-iktar sħan fl-istorja. It-temp qed jitħawwad. L-istaġuni qed jiġġebbdu u jinbidlu. L-istaġuni tax-xita inbidlu għal kollox b’mod li qed issir ħsara kbira lill-agrikultura kif ukoll lill-ħażna tal-ilma li hi tant essenzjali għal kull forma ta’ ħajja. It-temperatura li qed togħla qed iddewweb is-silġ fil-poli u fuq il-muntanji f’diversi partijiet tad-dinja bil-konsegwenza li l-livell tal-baħar qed jogħla u ser jogħla iktar jekk ma’ jittieħdux miżuri biex inrazznu l-għoli tat-temperatura.
Irridu innaqqsu l-impatti tagħna fuq il-klima bħala pajjiż: irridu innaqqsu l-emissjonijiet kif ukoll il-ħela ta’ riżorsi bħall-ilma u l-elettriku. Jeħtieġilna ukoll li narmu inqas skart kif ukoll li nirriċiklaw iktar. Jekk nagħmlu iktar użu mit-trasport pubbliku ukoll nistgħu inkunu ta’ għajnuna kbira biex Malta tnaqqas il-kontribut tagħha għall-bidla fil-klima.
Irridu nifhmu li l-bidla fil-klima qed tħarbat il-ħajja ta’ kulħadd. Qed tipperikola r-riżorsi li s’issa tipprovdilna b’xejn in-natura. Dan ifisser li filwaqt li kulħadd jintlaqat, l-iktar li jintlaqtu huma l-fqar f’kull rokna tad-dinja. Għax it-tibdil fil-klima iżid il-faqar kullimkien. Dan diġa beda jseħħ.
Il-klima hi parti mill-ġid komuni, hi ta’ kulħadd u hi għal kulħadd. Hu għalhekk ukoll li għandna l-obbligu li kull wieħed minna jagħti sehmu biex l-impatti ta’ pajjiżna jonqsu. Il-ftit impatti tagħna huma importanti daqs il-ħafna impatti ta’ ħaddieħor. Mela niftħu ftit għajnejna għall-ħsara kbira li diġa saret u nagħtu sehemna biex din tonqos. Ma baqax żmien x’jintilef għax il-bidla fil-klima diġa qegħda magħna.
Din is-sena bħala riżultat tal-bidla fil-klima ftit li xejn kellna xita f’Malta. L-effett fuqna ser jinħass l-iktar fuq l-agrikultura u l-ħażniet tal-ilma. Pajjiżi oħra sofrew l-għargħar li kaxkar kull ma sab.
Dawn huma l-effetti li qed jidhru u li diġa huma magħna. Nagħmlu l-parti tagħna biex flimkien ma dak li jirnexxielhom jagħmlu pajjiżi oħra innaqqsu dawn l-impatti u b’hekk titjieb il-qagħda ta’ kulħadd. Għax il-klima hi ġid komuni tal-umanità kollha: hi ta’ kulħadd u hi għal kulħadd.