Daphne dwar il-klieb tal-but tal-Kasco

chihuahua

Dak li qed jintqal bħalissa fuq il-blog ta’ Daphne Caruana Galizia dwar it-Times/Sunday Times u Keith Schembri tal-Kasco hu gravi ħafna. Mhux biss, iżda nazzarda ngħid li jekk jirriżulta li hu minnu, hu ta’ theddida kbira għad-demokrazija fil-pajjiż.

Caruana Galizia qed tgħid, fi kliem mill-iktar ċar, li l-gazzetti tal-Progress Press rattbu l-posizzjoni tagħhom fil-konfront ta’ Keith Schembri u l-Partit Laburista. Qieshom klieb tal-but. Dan f’kuntrast kbir mal-passat fejn kien ċar li l-linja editorjali ta’ Progress Press kienet b’mod ġenerali f’sintonija ma’ dik tal-Partit Nazzjonalista.

Is-suspett ta’ bosta kien li dan hu r-riżultat tas-saħħa finanzjarja tal-Kasco bħala agent ewlieni tal-materja prima prinċipali li teħtieġ il-Progress Press, u ċjoe tal-karta użata għall-istampar.

Imma issa qed jiġi allegat ħafna iktar minn hekk. Ngħid allegat għax il-provi li jista’ jkun hemm għadhom m’humiex pubbliċi. Nifhem li hemm il-provi li jsostnu dak li qed jintqal. Għalhekk il-gravità tas-sitwazzjoni. Għalhekk it-theddida għad-demokrazija.