L-aħbar tat-Times illum dwar bank illegali fiz-Żurrrieq hi waħda inkwetanti. Dan il-bank ilu jopera is-snin u ħadd ma nduna b’xejn.
Il-kumpanija li kienet qed topera dan il-bank tul dawn is-snin qed jingħad li ġabret mal-€10 miljun mingħand in-nies li riedu jinvestu u silfithom lil oħrajn.
Tajjeb li issa nstema’ l-allarm, imma, għaliex issa? Għaliex inżamm is-skiet għal dawn is-snin kollha u l-awtoritajiet ma ndumaw b’xejn? Possibli li ħadd ma kien jaf xejn?
Ikun interessanti li xi ħadd jinfurmana jekk l-awdituri ta’ din il-kumpanija qatt irrappurtawx dwar din il-ħidma illegali. Possibli li din il-ħidma tant kienet moħbija b’mod professjonali li qatt ħadd ma nduna b’xejn? Daqsxejn diffiċli biex nemminha din.
Għax jekk din il-ħidma ta’ bank illegali fiż-Żurrieq ħadd ma xamma, l-anqas l-awdituri fuq numru ta’ snin, jiena ma għandix idea kif audit li jsir f’Malta jista’ qatt ixomm pagamenti ta’ commissions li jkunu saru minn xi pajjiż imbiegħed ………… bħal per eżempju l-Azerbaijan.
Għax f’dan il-pajjiż, min irid jaħbi l-affarijiet isibha faċli, anke taħt imnieħer l-awtoritajiet. Aħseb u ara jekk ikunu depositati barra mill-pajjiż, il-bogħod ħafna. Liema audit ser isibhom?