Il-pass li jmiss ta’ Cyrus Engerer

Cyrus with Joseph

Meta Cyrus Engerer iddeċieda li jwarrab minn kandidat għall-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista ħa deċiżjoni tajba. Kienet tkun deċiżjoni ferm aħjar kieku ma ppreżentax ruħu bħala kandidat qabel ma kellu deċiżjoni finali tal-każ kriminali kontra tiegħu fil-Qrati. Hekk wara kollox għamlu persuni oħra fil-Partit Laburista li kellhom il-ħsieb li jkunu kandidati u dan kemm għall-Parlament Ewropew kif ukoll għall-Kunsilli Lokali. Safejn hu magħruf din kienet il-posizzjoni tal-Partit Laburista. Posizzjoni kemm ċara kif ukoll raġjonevoli.

Għalhekk hemm min għandu r-responsabbilta’ li jispjega għaliex Cyrus ma nżammx milli jikkontesta kif wara kollox inżamm ħaddieħor. Iżda mhux hekk biss.

Issa li l-każ fil-Qrati ġie konkluż, b’dak li għamel, Cyrus ipprova jagħmel użu mill-preġudizzju omofobiku u dan biex jimbarazza lill-ex-sieħeb tiegħu.

Cyrus Engerer huwa il-koordinatur tal-grupp dwar id-drittijiet LGBTI fil-Ministeru tad-Drittijiet Ċivili immexxi minn Helena Dalli. F’din il-posizzjoni għandu r-responsabbilta li jikkordina l-ħidma ta’ diversi persuni u u flimkien magħhom iħejji proposti dwar l-introduzzjoni ta’ drittijiet LGBTI f’Malta. Ħadem ħafna f’dan il-qasam w l-ħidma li għamel kienet ħidma utli. Tat il-frott.

Id-deċiżjoni tal-Qorti m’hiex deċiżjoni taċ-ċajt. Tfisser li min kien inkarigat biex jikkordina t-tkissir tal-ħitan tal-omofobija instab ħati li uża l-istess omofobija bħala għodda ta’ tpattija.

L-arloġġ ma jistax jitressaq lura. Dak li sar sar.

Naħseb li anke Cyrus innifsu jirrealizza illi l-mod kif ġieb ruħu ma jagħmilx ġieħ lir-responsabbiltajiet li jġorr. Iktar ma jdum jaħsibha x’ser jagħmel iktar ser jitfa’ dellijiet fuq dawk ta’ madwaru li b’dedikazzjoni ħadmu flimkien miegħu (ukoll) biex kellna avvanz sostanzjali fid-drittijiet ċivili tal-persuni LGBTI.

Jekk Cyrus jemmen fl-utilita’ ta’ dak li għamel b’risq il-komunita LGTBI għandu l-obbligu li jwarrab immedjatament. Biex ma jitfa l-ebda dell fuq ix-xogħol utli li għamel hu u bosta oħrajn.

3 comments on “Il-pass li jmiss ta’ Cyrus Engerer

  1. Perit, quddiem il-Magistrat kien misjub innocenti. Imbaghad fl-appell tal-Avukat General dar kollox …. imbaghad gie hati quddiem l-Imhallef. Jigifieri, ma setax ikun jaf minn qabel.

    • Propju ghalhekk kien zball li gie approvat bhala kandidat qabel ma spiccaw il-proceduri. Kien ghad hemm l-appell pendent u ghax hadd ma seta jkun jaf x’ser tkun il-konkluzjoni, l-Partit Laburista ghaggel biex approvah bhala kandidat.

  2. Perit,
    smajt fuq il-mezzi tal-ahbarijiet li l-PM tghallem hafna minn ghand Cyrus. Nispera li ma tghallimx kif tqassam ritratti bhal ma ghamel Cyrus u li wassluh f’din il-pozizzjoni, ghalkemm il-politikanti malajr jitghallmua xi haga bhal din.

    Milli jidher kull minn jaghmel xi haga li ma tmurx tajjeb mal-ligi jmur ghand il-prim u dan jghatih l-assoluzzjoni. bhal ma ghamel meta hafer lil-min bena illegali. u issa lil Cyrus ghamlu suldat tal-azzar.

    Mhux ta’ b’xejn is-socjalisti genwini specjalment dawk bormlizi qed ihossi li muscat warrab kull principju soljalista biex qed jibni partit liberali u qed jaghmel malta kollha tieghu biss. (tal–klikka naturalment).

    B’suldata tal-azzar bhal cyrus tistenna kollox mill-moviment ta joseph.

Leave a comment