Ix-xahar li għadda l-Qorti Ewropeja tal-Ġustizzja (ECJ) ħassret Direttiva tal-Unjoni Ewopeja (Data Retention Directive) li kienet tippermetti l-ħażna u l-użu ta’ data elettronika personali mill-awtoritajiet fl-istati membri. Dan l-ECJ għamlitu wara li kienet mitluba mill-għola Qrati fl-Irlanda u l-Awstrija biex teżamina din id-Direttiva minħabba numru ta’ kawżi dwar dan li kienu pendenti f’dawk il-pajjiżi.
Id-dinja diġitali hi l-fruntiera l-ġdida tad-drittijiet tagħna. Id-Direttiva imħassra (Data Retention Directive) kienet tagħti aċċess faċli għad-data diġitali personali kemm lill-Gvernijiet kif ukoll lill-Korporazzjonijiet. Il-Qorti Ewropeja tal-Ġustizzja fil-fatt qalet li, kif imfassla, din id-Direttiva tiġġenera is-sensazzjoni li l-ħajja personali tagħna hi taħt sorveljanza kontinwa.
Minħabba d-dipendenza tagħna fuq it-teknolġija diġitali kif applikata, per eżempju, fit-telefonija kif ukoll bl-użu kontinwu tal-internet, kull wieħed minna jħalli warajh traċċi kontinwi ta’ informazzjoni diġitali ta’ natura privata li jekk isir abbuż minna tista’ isservi ta’ theddida kontinwa għall-privatezza tagħna. Permezz tal-mobiles inħallu, per eżempju traċċi diġitali ta’ kull fejn inkunu f’kull ħin. Anke fuq l-internet, kif nafu ilkoll, inħallu warajna ħafna informazzjoni dwarna infusna. Ħafna minn din l-informazzjoni tista’ ma tfisser xejn, imma inħallu warajna ukoll, xi drabi bla ma nafu ħafna informazzjoni privata sensittiva. Min irid jabbuża minn din l-informazzjoni fil-fatt għandu fejn jixxala.
Ovvjament din it-tip ta’ informazzjoni jista’ jkollha użu importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalita’. Imma daqskemm hi utli fil-ġlieda kontra l-kriminalita, daqstant ieħor tista’ issir ħsara jekk din l-informazzjoni, essenzjalment ta’ natura privata tiġi f’idejn u tintuża minn min m’għandux jedd għaliha.
Anke’ meta l-istat qiegħed jiġġieled kontra l-kriminalita’ m’għandu l-ebda jedd li jinjora d-drittijiet tagħna. F’kuntest diġitali l-iktar li jsir emfasi hu fuq il-privatezza tad-data kif ukoll li s-sidien tad-data huma n-nies individwali. Dan ifisser li la l-istat u l-anqas il-Korporazzjonijiet m’għandu jkollhom xi jedd assolut fuq informazzjoni diġitali ta’ natura privata. Fi ftit kliem la is-sigurta’ nazzjonali u l-anqas il-kummerċ m’għandhom iservu ta’ skuża biex fid-dinja diġtali jitnaqqru id-drittijiet tagħna.
Huwa essenzjali li f’din l-era diġitali kull ċittadin ikun imħares minn sorveljanza żejda mill-Gvernijiet u l-Korporazzjonijiet. L-informazzjoni personali la hi tal-istat u l-anqas tal-korporazzjonijiet. Għaldaqstant la l-istat u l-anqas il-korporazzjonijiet m’għandu jkollhom drittijiet fuq din l-informazzjoni li hi tagħna u mhux tagħhom.
Alternattva Demokratika u l-Ħodor Ewropej qegħdin fuq quddiem nett f’din il-ġlieda biex id-drittijiet diġitali tagħna jkunu imħarsa.
Ippubblikat fuq iNews it-Tlieta 6 ta’ Mejju 2014